Il-film Oppenheimer, huwa r-rebbieħ ewlieni tal-Oscars, wara li kaxkar 7 premji, fosthom għall-aqwa film.
Dan filwaqt li l-attur prortagonist ta’ Oppenheimer, Cillian Murphy, rebaħ il-premju għall-aqwa attur prinċipali.
B’hekk Murphy, sar l-ewwel Irlandiż, li rebaħ dan il-premju tant prestiġġjuż.
Oppenheimer li kellu 13-il nominazzjoni, kiseb ukoll il-premju tal-aqwa attur f’parti sekondarja, b’Robert Downey Jr, il-premju tal-aqwa direttur, li ntrebaħ minn Christopher Nolan, u l-premji għall-aqwa edtijar, l-aqwa ċinematografija u għall-oriġinalità.
Dan filwaqt li Emma Stone, ġiet ippremjata bħala l-aqwa attriċi, għall-parti tagħha fil-film ‘Poor Things’, li rebaħ ukoll il-premji tal-aqwa disinn tal-produzzjoni, l-aqwa rtokk, u l-aqwa kostumi.
Barbie, li huwa l-aktar film li daħħal flus fil-Box Office, tul is-sena li għaddiet, irċieva biss premju wieħed – għall-aqwa kanzunetta oriġinali, li hija ‘What Was I made for?’ interpretata mill-kantanta Billie Eilish, u ħuha Finneas.
L-Ukrajna rebħet ukoll l-ewwel Oscar, għall-aqwa dokumentarju, li huwa ’20 Days in Mariupol’, filwaqt li r-Renju Unit, rebaħ it-titlu tal-aqwa film internazzjonali, bil-film, The Zone of Interest.