Il-kobor tal-iskandlu Skema Pagi PN huwa rifless ukoll fil-mod kif diversi opinjonisti li qed jagħżlu li jiddedikaw l-ispazju li għandhom fil-ġurnali biex jiktbu dwaru.
Ħafna osservaw li dan l-iskandlu kompla jesponi l-qasma interna fil-Partit Nazzjonalista. Fost oħrajn, fit-Times of Malta, kitbet Michela Spiteri, f’artiklu b’titlu dwar il-ħoss silenjuż ta’ Simon Busuttil. Appellat biex Simon Busuttil jippublika l-fatti kollha, ħaġa li sa issa ma jridx jagħmel. Però fi kliemha dan għandu jkun prijorità.
“Should be opposition leader’s priority … But oddly enough, Busuttil is having none of it,” biex nużaw kliemha eżatt.
Spiteri fissret kif it-terremot politiku li tkellem dwaru Simon Busuttil verament ċaqlaq l-Partit Nazzjonalista miċ-ċentru tiegħu.
Innotat ukoll l-inkonsitenza ta’ Busuttil u kif l-ewwel reazzjoni imedjata ta’ tiegħu kienet li l-flus ta’ DB huma maħmuġin u li se jroddhom lura. Iżda ftit jiem wara, biddel fehemtu u qal li huma flus legali u leġittimi u li mhux se jroddhom lura lid-DB.
Kiteb ukoll l-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon, fuq il-Malta Today. Staqsa jekk il-flus mogħtija lill-Partit Nazzjonalista mid-DB ġewx imniżżla fil-lista li l-PN għadda lill-Kummissjoni Elettorali dwar donazzjonijiet li rċieva.
Il-Kummissjoni li se tkun qed tinvestiga l-Partit Nazzjonalista dwar din l-iskema li ħoloq Simon Busuttil innifsu.
Dwar dak li għaddej fil-Partit Nazzjonalista, kiteb ukoll Noel Grima f’The Malta Independent. Qal li l-iskandlu ta’ DB wera biċ-ċar it-taħwida fil-ħsieb tal-istrateġija tal-PN. Osserva li l-ħsara u s-serjetà ta’ dan l-iskandlu ħarġet iktar fid-deher meta Busuttil mar fuq il-programm Iswed Fuq l-Abjad, fejn ħassu komdu, biex jiġi intervistat.
Innota ukoll kif fl-istħarriġ , il-Prim Ministru qed ikompli jzied il-fiduċja minkejja dak kollu li jgħid u jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Grima nnota l-konsegwenzi tal-istrateġija li l-Partit Nazzjonalista jmur għall-elezzjoni b’ħaġa waħda f’moħħu, il-Panama. Dan minflok attitudni li tindirizza l-problemi tas-soċjetà Maltija u li toffri soluzzjonijiet konkreti. Fuq kollox Noel Grima fakkar fit-twissijiet li ta lill-Partit Nazzjonalista u qal li l-partit għad għandu l-istess doża ta’ arroganza tal-aħħar elezzjoni; huma jafu kollox u l-aħjar. Fuq kollox irrimarka kif il-politika tal-konfront ma tħallix riżultati.
Simon Mercieca, wieħed mill-awturi tar-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista ukoll kiteb dwar is-suġġett u dwar in-nuqqasijiet fl-oppożizzjoni.
Qal li l-oppożizzjoni hija ‘bitter’, għamlet sensiela ta’ għażliet ħżiena u ttieħdu deċiżjonijiet fejn persuni onesti ingħataw il-ġenb għax qalu l-verità. Fi kliem Mercieca, individwi diżonesti, jew fi kliemu eżatt sleazy, għadhom jirrenjaw f’Tal-Pieta.