Bosta laqgħu b’mod pożittiv l-aħbar mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela, li l-art taż-Żonqor mhux ser tkun qed tintmess bħala parti mill-proġett tal-Università Amerikana ta’ Malta u b’hekk se tingħata lura lin-nies.
Jeremy Camilleri, magħruf li jgħidha kif iħossha, laqa’ din l-aħbar b’ferħ filwaqt li apprezza l-fatt li l-Gvern sema’ lin-nies dwar din il-materja.
Huwa qal li “jien naħseb hija l-istess reazzjoni tal-maġġoranza assoluta tal-iskalin li lqajnieha mhux b’sodisfazzjon imma b’ferħ. U nittama li din tkun il-linja tal-Gvern għal futur tal-Gvern fejn jisma’ dak li qed tgħid is-soċjetà ċivili. U meta ngħid is-soċjetà ċivili jiġifieri s-soċjetà ċivili veru ġenwina u mhux li għandha aġendi oħra.”
L-għada li anki l-Prim Ministru ddikjara mal-ġurnalisti li se jibqa’ jisma’ u qed jisma’ lin-nies anki dwar Wied il-Għajn, tkellimna wkoll mal-ambjentalista Ingram Bondin li stqarr li wkoll laqa’ l-fatt li l-Gvern sema’ mit-talba tan-nies.
Tenna li “hija xi ħaġa tajba ħafna li l-Gvern sema’ mill-ambjentalisti li din iż-żona tkompli tiġi mħarsa u anke jgawduha r-residenti tal-lokal ukoll.”
Il-President ta’ The Ramblers’ Association faħħar din id-deċiżjoni tal-Gvern, li issa ser tkun qed tillibera l-art għat-tgawdija tal-familji Maltin u Għawdxin u li tmur id f’id ma’ miżura tal-Budget li jkun hemm il-park tal-Inwadar.
Saħaq li “anke l-proġett ta’ afforestazzjoni li ħa jsir hemmhekk, dak il-park, żgur li ser jagħti spazju, spazju miftuħ ġdid u aħjar għar-residenti ta’ Marsaskala għaliex Marsaskala hija waħda minn dawk iż-żoni fejn kien hemm ħafna żvilupp aggressiv dan l-aħħar.”