F’artiklu li deher fl-aħħar ħarġa tal-gazzetta ta’ nhar ta’ Ħadd tal-Partit Nazzjonalista nnifsu, il-Mument, l-opinjonista Chares Schembri jsostni li r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet jitlob li jiġi kkoordinat rapport analitiku ta’ evalwazzjoni.
“Is-sidien tal-Partit Nazzjonalista – it-tesserati – qed jitolbu jifhmu s-sitwazzjoni u t-triq ’il quddiem permezz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni… rapport analitiku u kritiku…”
Fl-artiklu tiegħu intitolat ‘It-triq ’il quddiem’, Charles Schembri indirizza d-diskussjoni li għaddejja, speċjalment fost it-tesserati Nazzjonalisti, dwar jekk għandux isir rapport tat-telfa mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-artiklu tiegħu Schembri sostna li “Ir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali tal-2022 jitlob li jkun koordinat rapport analitiku ta’ evalwazzjoni.”
Dan għandu jsir permezz ta’ grupp ta’ persuni kompetenti primarjament f’temi soċjoekonomiċi, tat-tmexxija politika, tal-mezzi ta’l-omunikazzjoni, tar-riċerka, u tat-taħriġ tal-formazzjoni politika.
Charles Schmebri kiteb li din l-analiżi għandha tiġi assenjata lill-aġenzija li diġà topera fi ħdan il-Partit Nazzjonalista filwaqt li, fl-istess ħin, issir b’awtonomija mill-Partit.
Fil-jiem li għaddew ONE staqsa aktar minn darba jekk hux se jsir rapport dwar it-telfa elettorali, iżda r-risposti li ngħata juru li t-tmexxija attwali trid tmur fid-direzzjoni opposta ta’ dak li qed jitlob l-opinjonista tal-gazzetta Il-Mument.
Fost dawk li ġew affaċċjati b’din il-mistoqsija dwar jekk hux se jsir rapport tat-telfa, kien hemm il-Viċi Kap Nazzjonalista, David Agius, li wera bl-aktar mod ċar kif il-Partit Nazzjonalista mhuwiex f’pożizzjoni jgħid huwiex se jsir rapport tat-telfa wara r-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali.
Qal, “Jekk hu rapport kif qed tifhem inti – li jkollok tnejn, tlieta min-nies imqabbdin apposta per se biex jagħmlu rapport huma – dik hija xi ħaġa interna tal-Partit li mbagħad inkunu rridu ngħadduha jew ngħidulkom le lilkom bħala ġurnalisti.”
Min-naħa tiegħu, id-deputat tal-Oppożizzjoni Mark Anthony Sammut, wieħed mill-ewlenin tal-establishment Nazzjonalista, qalilna li din mhix kwistjoni ta’ rapporti.
Dawn ir-risposti jmorru id f’id mal-atteġġjament tal-Kap tal-partit, Bernard Grech, li għażel li jipponta lejn ħaddieħor iżda mhux lejh innifsu għat-tort tal-akbar telfa f’elezzjoni ġenerali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lil One News li Bernard Grech ma jridx jagħmel rapport tat-telfa biex ma jżidx aktar pressjoni fuqu ma’ dik li diġà hemm. Is-sorsi kkummentaw li Bernard Grech irid li jżomm postu bħala Kap u kollox jibqa’ għaddej daqslikieku qatt ma tilef l-elezzjoni ġenerali.