“In Case C-181/23, European Commission vs the Republic of Malta, I propose that the court dismiss the Commission’s action. Order the Commission to pay its costs on those of the Republic of Malta.”
Anthony Michael Collins – Avukat Ġenerali Ewropew
Opinjoni ppubblikata l-Ġimgħa filgħodu mill-Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Michael Collins, taqbel kompletament mal-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment u jissuġġerixxi lill-Qorti biex ma tilqax it-talbiet li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fil-każ li fetħet kontrina.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali jsostni b’mod ċar li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tipprova li r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza jeħtieġu li għandha tkun teżisti “rabta ġenwina” jew “rabta ġenwina minn qabel” bejn stat membru u individwu biex jagħti ċ-ċittadinanza.
Il-fehma tal-Avukat Ġenerali Collins hi waħda sinifikanti u tiġġustifika l-argumenti li dejjem ġab il-Gvern Malti matul is-snin, waqt li tiskredita wkoll kull kritika ħarxa mmontata mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li għamlet kull sforz biex tkisser il-programm ta’ investiment, li sewa miljuni kbar lil pajjiżna.
Tali flejjes, amministrati mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NDSF, għenu fl-iżvilupp fl-oqsma kruċjali f’pajjiżna, b’investimenti bla preċedent bħal fl-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni.
L-opinjoni tal-Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġiet innotata mill-Ministru responsabbli Malti, Byron Camilleri, li sostna kif fl-aħħar snin il-Gvern stinka kemm felaħ biex jiddefendi d-dritt ta’ pajjiżna li jħaddem b’mod riġoruż qafas leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment.
Qal li ċ-ċittadinanza għandha tibqa’ dejjem prerogattiva tal-pajjiżi u, fuq kollox, il-Gvern Malti jemmen li l-proċessi li ddaħħlu ftit taż-żmien ilu fil-qafas li jħaddem pajjiżna huma b’saħħithom.
B’referenza li issa jħares ’il quddiem għad-deċiżjoni finali tal-Qorti Ewropea f’dan ir-rigward, il-Ministru Camilleri sostna li “għadna ma wasalniex, imma (l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali) hi pass fid-direzzjoni t-tajba.”
“Malta dejjem argumentat u tibqa’ se tpoġġi ’l quddiem dik il-pożizzjoni li ċ-ċittadinanza dejjem għandha tibqa’ diskrezzjoni nazzjonali. Issa nħares ’il quddiem sabiex inkomplu nagħmlu dawn l-argumenti tagħna fil-kawża fix-xhur li ġejjin.”
Il-Ministru Byron Camilleri