Filippina tilfet ħajjitha wara li nġarret mill-mewġ fil-baħar f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ waranofsinhar fl-inħawi tal-bajja ta’ Font Għadir f’Tas-Sliema.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-erba’ persuni kienu fi grupp ta’ ħamsa fuq il-blat u waqt li tlieta minnhom irnexxielom jitilgħu l-art il-persuna l-oħra ma dehritx.
Minnufih waslet l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li permezz ta’ dinghy tellgħu l-art tfajla ta’ nazzjonalità Filippina. Hija ngħatat l-assistenza minn tim mediku u ittieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta.
It-tliet tfajliet l-oħra ttieħdu wkoll fl-Isptar Mater Dei permezz ta’ diversi ambulanzi iżda n-natura tal-ġrieħi għadhom pendenti.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.