Nhar is-Sibt li għadda, għall-ewwel darba f’pajjiżna, saret operazzjoni biex tevita li pazjent ikollu cardiac arrest. Dan ifisser li saret l-operazzjoni ta’ emerġenza epicardial vt ablation, li salvat il-ħajja ta’ bniedem.
Għalkemm sa ftit ilu ma kienx jeżisti l-apparat ta’ ‘3D mapping’ biex dawn il-pazjenti jkunu kkurati, dan issa sar aċċesibbli minn Marzu.
B’hekk pazjenti mhux ser ikollhom għalfejn isiefru b’emerġenza b’air ambulance, b’riskju u skariġġ kbir għalihom familthom. Il-Professur Robert Xuereb spejgalna dwar li każ li seħħ fil-passat.
Il-mara tal-pazjent li kellu jsiefer b’ambulanza siefret b’ajruplan tal-Airmalta biex tmur Londra fejn kien se jsir l-intervent tar-raġel. X’ħin ġew biex itellgħu lill-pazjent fuq ambulanza, kellhom bżonn il-passaport tiegħu, iżda l-mara kienet ħaditu magħha fuq l-ajruplan. Kellhom għalhekk jagħmlulu passaport urġenti biex jaċċettawh l-Ingilterra.
Spjega li l-għar ħaġa hi li ħafna drabi l-familjari ma jistgħu jsiefru mall-pazjent. Sitwazzjonijiet bħal dawn mhux se jiġru aktar, u issa seħħet bidla li ilha tant meħtieġa.
Fi kliem Xuereb: “minn nhar is-Sibt kien hawn il-familjari kollha hawnhekk fil-cath suite u kienu qegħdin mal-pazjent, daħlu miegħu, setghu jarawh immedjatament wara li intemm l-intervent, stajna nkellmuhom aħna u kellhom dan il-privileġġ kbir”.
Minbarra dan, fl-aħħar tliet snin u nofs saru ħafna avvanzi f’dan il-qasam. Biss biss fl-aħħar sentejn kienu investiti aktar minn ħames miljun ewro f’apparat tal-kardjoloġija. Il-ministru għas-saħħa, Chris Fearne fisser kif il-cardiac MRI qabel kien isir barra minn xtutna iżda issa sar possibli li jsir pajjiżna u b’hekk aktar pazjenti qed jinqdew u jinqdew fl-iqsar żmien possibli.
“Konna nibgħatu pazjenti barra minn pajjiżna, u peres li kien fih ħafna skariġġ u spejjeż kull ma konna nibgħatu kein xi għoxrin pazjent fis-sena. Issa qed nagħmlu għoxrin kull ħmistax, u dan ifisser li qed naghtu servizz dejjem aħjar lill-pazjenti tagħna”.