Fl-aħħar ġimgħat tas-sena, erbatax-il vettura oħra li kienu misruqa mill-Kanada u kienu sejrin il-Kuwajt, inqabdu mid-Dipartiment tad-Dwana.
Dawn il-vetturi nstabu moħbija fi tmien kontejners ta’ erbgħin pied.
Uffiċjali tad-Dwana fil-Port Ħieles interċettaw dawn il-vetturi b’apparat ta’ scanning u fosthom kien hemm trakkijiet tat-tip Ford, karozzi Lexus u anki Jeep.
Sal-lum, f’diversi operazzjonijiet tad-Dwana, ġew issekwestrati tmienja u ħamsin karozza misruqa li nstabu f’total ta’ tnejn u tletin kontejner.
Il-Pulizija ta’ Malta u l-Awtoritajiet Kanadiżi ġew infurmati bis-sejba u bdiet investigazzjoni.
L-isforzi tad-Dipartiment tad-Dwana Maltija qed jgħinu lill-Pulizija Kanadiża, li fl-aħħar ġimgħat u xhur akkużat disa’ persuni li huma suspettati b’rabtiet ma’ serq ta’ karozzi b’mod vjolenti.