“Kienet operazzjoni diffiċli ħafna… kienet waħda ta’ suċċess għax salvajna ħafna annimali”
Hekk qal id-Direttur tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, Noel Montebello, fejn spjega kif l-operazzjoni ma kinitx waħda faċli minħabba l-fatt li filwaqt li kienet ġlieda mal-ħin biex isalvaw l-annimali, l-annimali stess kienu mbeżżgħin.
Spjega kif għalkemm kienet operazzjoni diffiċli, it-tim ħadem id f’id fejn għalkemm tilfu ħajjithom numru żgħir ta’ annimali, il-maġġoranza fortunatament ġew salvati.
Fost l-annimali li tilfu ħajjithom kien hemm żewġ panteras, lontra u xadina.
Montebello spjega wkoll li sid il-park qed jieħu ħsieb għal kura ta’ dawk li kienu salvati, filwaqt li d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali qed jagħti l-kura lil xi għasafar.