Ħafna mill-operaturi li jipprovdu t-trasport fl-iskejjel dalgħodu rħewlha l-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jiffirmaw il-kuntratt b’rabta mas-servizz tat-trasport b’xejn għat-tfal kollha tal-iskola.
Tul dawn l-aħħar xhur, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kien għaddej bin-negozjati ma’ diversi operaturi li joffru t-trasport fl-iskejjel sabiex eventwalment intlaħqet bażi ta’ ftehim li bih se titwettaq wegħda elettorali oħra li se tħalli aktar minn għoxrin miljun ewro fil-bwiet tal-familji Maltin.Ma’ ONE News l-operaturi spjegaw kif apparti li se jonqos it-traffiku bis-saħħa ta’ dan il-ftehim il-problemi li kienu jġibu magħhom il-pagamenti mingħand il-ġenituri se jsiru ħaġa tal-passat.
Uħud mix-xufiera stqarru wkoll li n-negozjati ma kinux faċli hekk kif kemm il-Gvern kif ukoll l-operaturi riedu jassiguraw ruħhom li jinkisbu l-aħjar kundizzjonnijiet għal kulħadd.
Operatur ieħor spjega li kif mistenni, l-ġenituri laqgħu bi kbir din il-miżura, u d-domanda fuq is-servizz tat-trasport tal-iskejjel kibret ferm.
Minħabba f’hekk, għall-ewwel darba ġew rikonoxxuti numru ta’ operaturi oħra li se jibdew jipprovdu dan is-servizz.