“Ir-riforma fit-temping agencies qed tgħinha biex bħala kumpaniji nimxu mal-etika li hi mistennija minnha.”
Dan intqal ma’ ONE News minn żewġ operaturi tat-temping agencies, l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin jaħdmu f’pajjiżna.
“Ix-xogħol miexi b’saħħtu, hawn ħafna negozju. Il-bżonn tal-ħaddiema huwa kontinwu. Kien hemm bżonn regolarizazzjoni, kien hemm bżonn is-sapport tal-Gvern biex jgħin lil dawk il-kumpaniji bħalna li nimxu mal-etika li hi mistennija.”
Adrian Buttigieg – Direttur HR Plus
“Pass importanti fl-industrija tagħna, ’il għaliex huwa minnu li hawn bżonn ħaddiema, huwa minnu li l-qgħad fil-pajjiż m’hawnx u għalhekk huwa tajjeb li l-Gvern irreaġġixxa, irrealizza li b’regolazzjoni robusta s-suq jiġi regolat u għalhekk ikun hawn level playing fl-industrija.”
Fabio Lucas Muscat – Kap Eżekuttiv OZO Group
Dawn l-operaturi tkellmu ma’ ONE News waqt laqgħa ta’ informazzjoni, li preżenti għaliha kien hemm aktar minn mitt operatur tat-temping agencies.
Mill-bidu tax-xahar li ġej se jibdew joħorġu l-ewwel liċenzji lill-operaturi tal-aġenziji tax-xogħol u dan biex ikunu jistgħu jibdew joperaw taħt dan il-qafas regolatorju ġdid.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, li qal li l-proċess fit-twettiq ta’ din il-liġi għaddej b’ritmu tajjeb ħafna.
“B’sodisfazzjon innotajt li daħlu numru sostanzjali ta’ applikazzjonijiet u wara li tkellimt ma’ diversi operaturi kollha qaluli li qegħdin fil-proċess finali biex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul
Is-Segretarju Parlamentari Ellul appella lit-temping agencies li għadhom ma applikawx għal-liċenzjar biex japplikaw mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg.
Intqal kif imbagħad mill-bidu ta’ Ġunju, se jibda l-infurzar. Dan biex jingħata ċ-ċans biżżejjed lil dawk li jkunu applikaw lejn l-aħħar, sabiex ikollhom id-dokumenti neċessarji.