Operaturi fl-industrija kellhom opportunità jiddiskutu mal-Awtoritajiet l-impatt tal-leġiżlazzjoni proposta fl-Unjoni Ewropea dwar l-ippakjar u l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ippakjar ta’ prodotti.
L-għan aħħari ta’ dawn il-bidliet huwa li jitnaqqas l-ammont tal-ippakkjar fis-suq madwar l-Unjoni Ewropea, u li tingħata spinta lir-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, fosthom billi l-ippakkjar kollu jkun riċiklabbli b’mod li jagħmel sens ekonomiku, sas-sena 2030.
Il-Malta Enterprise, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u l-Malta Business Bureau (MBB), organizzaw din is-sessjoni onlajn.
Kurt Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, enfasizza l-importanza li n-negozji jiffamiljarizzaw ruħhom mal-abbozz ta’ regolamenti. Huwa ħeġġeġ lill-kumpaniji biex jippreparaw għall-bidliet billi jifhmu l-leġiżlazzjoni l-ġdida.
Maria Alonso Bomba mill-ERA spjegat il-kunċetti ġodda, filwaqt li iddettaljat l-obbligi li l-operaturi ekonomiċi jridu jindirizzaw.
Gabriel Cassar mill-MBB enfasizza rakkomandazzjonijiet kruċjali minn diversi operaturi ekonomiċi.
Ing. Mario Schembri, Direttur Maniġerjali fl-AIS Environment, tkellem dwar it-titjib meħtieġ biex jinkisbu prattiki sostenibbli u tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari.
Din l-attività ippermettiet lill-parteċipanti jesprimu l-fehmiet u t-tħassib tagħhom. Billi r-regolamenti għadhom fl-istadji bikrija, se jsiru aktar diskussjonijiet, u l-Malta Enterprise se żżomm lill-parteċipanti infurmati dwar aġġornamenti mill-Kummissjoni Ewropea. .
Kumpaniji interessati li jirċievu informazzjoni dwar l-abbozz ta’ regolament jistgħu jikkuntattjaw euaffairs@maltaenterprise.com.