Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li għaxar kumpaniji li joperaw fil-qasam tal-kannabis mediċinali ngħataw il-liċenzja mill-Malta Enterprise biex joperaw minn Malta. Fl-istess waqt ħabbar li għaxar kumpaniji oħra kellhom l-applikazzjoni tagħhom irrifjutata wara proċess ta’ skrutinju.
Il-Prim Ministru ħabbar dan waqt li kien qiegħed jindirizza l-ewwel forum dinji dwar il-kannabis mediċinali li qed isir fMalta. Dr Muscat qal li dawn se joħolqu 400 impjieg ġdid fi tliet snin li ġejjin u ser jinvestu miljuni ta’ ewro. Dwar l-applikazzjonijiet ta’ kumpaniji li ġew irrifjutati, Dr Muscat qal li Malta trid l-aqwa kumpaniji fl-industrija u mhix lesta li tagħmel kompromessi mal-istandards.
Dr Muscat sostna li Malta se tkun ċentru ewlieni ta’ innovazzjoni u riċerka fejn il-prodotti tal-kannabis mediċinali jkunu ppruvati f’laboratorji apposta u li jaħdmu f’qafas regolatorju.
Il-Malta Enterprise u l-Awtorità dwar il-Mediċini qed jaħdmu flimkien biex janalizzaw l-applikazzjonijiet tal-operaturi tal-kannabis mediċinali biex ikun assigurat ambjent sigur f’pajjiżna.