Il-Europol ħarġet filmat li juri l-pulizija Maltija, bl-appoġġ tal-Europol, jarrestaw seba’ persuni; Libjani u Maltin, b’rabta ma’ ċirku kbir ta’ ħasil ta’ flus.
B’rabta ma’ dan il-każ is-Sibt filgħaxija tressqu l-Qorti erba’ Libjani u nżammu arrestati.
Il-Europol qalet li l-ħasil ta’ flus kien jinvolvi mal-ħames kumpaniji f’Malta u parti mill-flus kienet tasal it-Turkija anki permezz ta’ nies li kienu jġorru l-flus.
Meta twettaq ir-rejd, il-Pulizija qabdet mas-sebgħin elf ewro fi flus kontanti, ġojjelli, karozzi lussużi u ħwejjeġ u arloġġi tad-ditta.
Il-Europol qalet li sabet ukoll apparat elettroniku li jiswa mal-ħames miljun ewro.
Il-Europol spjegat li kienet ilha tassisti lill-Pulizija Maltija sa minn Ġunju tas-sena l-oħra u espert tagħha kien mal-Pulizija Maltija waqt ir-rejd.