Bejn is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin, fl-Istazzjon tat-Tifi tan-Nar, f’Ħal Far, se tittella’ open weekend mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fejn il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jara l-ħidma ta’ din it-taqsima aktar mill-qrib, filwaqt li jitkellem ukoll mal-pumpieri u l-uffiċjali.
Fost dak li hemm imħejji, se jkun hemm divertiment minn artisti mużikali lokali, wirjiet, żona għat-tfal u anke simulazzjonijiet.
Żorna l-aħħar preparamenti fl-istess Stazzjon tat-Tifi tan-Nar f’Ħal Far u tkellimna mal-Uffiċjal Għoli tat-Tifi tan-Nar, Anthony Pisani, li tana togħma żgħira ta’ dak li hemm imħejji.
“Waqt l-open day, fil-jumejn li huma, se jkun hawn dimostrazzjonijiet, fejn in-nies jaraw ix-xogħol tagħna, kif aħna naħdmu. Ħa jkun hawn ukoll kids’ area, fejn it-tfal nagħmlulhom mock-ups tat-tipi ta’ xogħol li niltaqgħu magħhom aħna, kull fejn morna dejjem kien hemm konkorrenza qawwija u t-tfal dejjem ħadu pjaċir u fl-istess ħin inkunu man-nies, niltaqgħu magħhom, nitkellmu magħhom…”
Hu tkellem ukoll dwar kif, wara s-suċċess li nkiseb mill-attività ‘Ġurnata mal-Korpi Dixxiplinati’, dan it-tmiem il-ġimgħa għandu jservi wkoll ta’ divertiment għall-familja kollha.
“Meta kien hemm l-open day tal-Akkademja ġew ħafna nies fuqna, jistaqsuna fuq pariri ta’ fire safety, jiġifieri aħna nkunu qegħdin hawnhekk u ngħinuhom ukoll f’dak li jistaqsuna. Se tkun attività sabiħa ħafna, jiġifieri nieħdu pjaċir li n-nies jiġu, jaraw u jiltaqgħu magħna.”
“Nhar is-Sibt se tiftaħ mill-għaxra sal-ħdax ta’ billejl u l-Ħadd mill-għaxra ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija.”