Bħala parti mill-kampanja t’għarfien dwar il-vjolenza domestika msemmija, ‘Il-Vuċi tiegħek tista’ teħilsek’, fil-Kumpless tar-Rapid Intervention Unit f’Ta Kandja ġiet organizzata ‘Open Day’.
Hawn, is-Supretendent li jmexxi t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika, Johan Fenech sostna li mit-twaqqif ta’ din it-taqsima ftit iktar minn sena ilu, ġew irrappurtati elf seba’ mija u disgħa u tmenin każ.
Huwa spjega li dan in-numru huwa ferm ikbar min-numru ta’ każijiet li ġew irrappurtati fi snin preċedenti.
L-appell tiegħu kien wieħed sempliċi, sabiex kull min qiegħed jgħaddi minn din ir-realtà kiefra, ma jgħix fis-silenzju.
Qal, “Il-mument li inti tiddeċiedi li tgħix f’iskiet, ħajtek tibda tintemm ftit ftit. Allura l-appell tiegħi huwa li nagħmlu użu minnhom dawn is-servizzi ħalli ntejjbu l-ħajja ta’ kulħadd.”
Tul din il-ġurnata, kienu bosta familji li ħadu l-opportunità biex jaraw mill-viċin l-operazzjonijiet tal-Pulizija.
Fost l-oħrajn, huma apprezzaw ferm l-annimali li wkoll jagħtu servizz lill-korpi dixxipplinati.
Intqal ukoll kif dal-jum kien ukoll wieħed informattiv għat-tfal tagħhom.