Nhar il-Ħadd li ġej, 11 ta’ Diċembru, Heritage Malta se tagħti lill-pubbliku l-opportunità unika li jżur il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta u jidħol fi swali li qatt qabel ma kienu aċċessibbli għalih.
Il-Palazz ilu magħluq diversi xhur biex jitwettaq proġett ta’ restawr. Dan il-proġett, li għaddej bħalissa, huwa stmat li se jiswa madwar €30 miljun, b’€10 miljun minnhom kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Fażijiet minn dan il-proġett mistennija jibdew jinfetħu għall-pubbliku fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla, filwaqt li l-proġett kollu għandu jkun komplut sas-sena 2025.
It-tagħrif dwar l-Open Day ingħata f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Fost l-ispazji li l-pubbliku se jkun jista’ jidħol fihom u li qatt qabel ma kienu aċċessibbli għalih hemm is-Swali Statali li għadhom kemm ġew restawrati, il-bejt (jekk it-temp jippermetti), u s-swali li jservu bħala uffiċini għall-President tar-Repubblika.
It-tours se jsiru kull siegħa u jibdew fid-9.30am. L-aħħar dħul ikun fl-4.30pm. Id-dħul fil-Palazz tal-Gran Mastru fl-Open Day se jkun bla ħlas iżda min jixtieq jista’ jagħmel donazzjoni ta’ flus b’risq il-Malta Community Chest Fund. Matul l-Open Day se jkun hemm għall-bejgħ pubblikazzjonijiet ta’ Heritage Malta.