Waqt l-inawgurazzjoni tal-Open Air Gym f’Tas-Sliema, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li jinsab kburi u kuntent li qed iniedi proġett bħal dan li huwa mmirat jseħħab din iż-żona turistika tant importanti, iżda wkoll biex jagħti inċentiv lill-pubbliku biex jieħu iktar ħsieb saħħtu.
“Dan l-investiment ta’ €12,000 jinkludi wkoll l-arranġamenti tal-bankijiet f’din iż-żona, tqegħid ta’ pjanti biex isebħu l-ambjent kif ukoll saru l-gradi fl-entraturi għall-aċċess tal-gym,” żied jgħid il-Ministru.
Huwa sostna li tnejn mill-erba’ objettivi għas-sena 2017 huma propju l-investiment u l-effiċjenza sabiex jitjieb il-prodott Malti. Huwa saħaq kemm huwa importanti sabiex jintużaw aħjar ir-riżorsi tagħna, nassiguraw prodott aħjar għall-Maltin u għat-turisti kif ukoll naraw illi xogħol fuq il-prodott ikun aktar immirat skont il-ħtiġijiet ta’ dawk kollha illi jiġu affetwati fiż-żoni turistiċi.
Il-Ministru fisser li l-proġett innovattiv tal-Open Air Gym f’Tas-Sliema kien possibbli grazzi għall-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi (FTZD), li kkoordinat u ffinanzjat dan il-proġett. Il-Fondazzjoni għaddejja qalil bl-ippjanar ta’ diversi proġetti ta’ tisbiħ għall-pajjiżna għal ġid tal-pubbliku iżda wkoll anke għat-turist.
Huwa fakkar li l-għan aħħari tal-FTZD hu dak li taħdem biex itejjeb il-prodott turistiku Malti u Għawdxi, u dan il-proġett hu proprju wieħed minn bosta li ħadmet fuqu din il-Fondazzjoni. Permezz tal-FTZD proġetti differenti ser ikunu implimentati f’żoni differenti ta’ Malta u Għawdex. L-FTZD qed tieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni ta’ proġetti passati, timmaniġja żoni kostali u bajjiet, kif ukoll ser tibda tinvesti fil-prodott rurali, tenna l-Ministru għat-Turiżmu.
Iż-żona fejn sar dan il-proġett kienet waħda bla użu, iżda llum, permezz tal-gym, din iż-żona hi waħda li tista’ tintuża kuljum kemm għall-benefiċċju tar-residenti ta’ Tas-Sliema kif ukoll għall-poplu inġenerali.
Il-Ministru Zammit Lewis tenna li l-Gvern irid ikompli jtejjeb il-prodott turistiku lokali biex ikun wieħed mill-aqwa billi nkomplu nirreklamaw lil gżejjer Maltin bħala destinazzjoni ta’ livell għoli. Dan jista’ jsir b’aktar investiment fl-infrastruttura tal-pajjiż u proġetti turistiċi oħrajn b’mod konsistenti, temm jgħid il-Ministru.