Hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa kompliet titlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, kien imiss lil Ministru Konrad Mizzi jagħmel l-ewwel diskors uffiċjali tiegħu bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
F’diskors ċar u sod, Konrad Mizzi qal li b’serenità se jkompli jaħdem għall-interessi taċ-ċittadini filwaqt li joqgħod għal kull deċiżjoni li l-Prim Ministru jħoss li hija l-aħjar triq għal pajjiż.
“Onorat li qed naħdem f’moviment t’għaqda għall-pajjiżi.” Hekk beda l-ewwel diskors uffiċjali tiegħu bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, il-Ministru Konrad Mizzi waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li qed titlaqqa’ fi tmiem din il-ġimgħa.
Il-Ministru Mizzi rrefera ghal kontroversja dwar il-panama papers u qal li b’serenità lest li joqgħod għal kull deċiżjoni li jieħu l-Prim Ministru.
Huwa irrimarka li fil-kwistjoni tal-Panama papers m’għamel xejn illeċitu iżda jifhem it-tħassib ġenwin li uħud urew u għalhekk se jindirizza dawn il-ħsibijiet li tqajjmu.
Kien għalhekk li ordna awditjar minn kumpanija indipendenti internazzjonali biex tgħarbel kull ħaġa li għamel u qabbad lill-Kummissarju għat-taxxi biex jinvestiga, tenna Konrad Mizzi.
Saħaq li l-għan ewlieni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija li toħloq id-dubji iżda huwa ħadem qatiegħ biex iġib l-aħjar għall-pajjiżna.
Id-Deputat Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista qal li jekk Simon Busuttil qed jagħmel minn kollox biex joħloq il-firda fil-pajjiż, il-moviment li hemm madwar il-Partit Laburista se jkompli jaħdem għall-għaqda.
Konrad Mizzi elenka għall-għexirien ta’ kisbiet li dan il-Gvern irnexxilu jġib biex pajjiżna llum huwa ta’ mudell għall-pajjiżi oħra kif intqal fl-aħħar pubblikazzjoni awtorevoli ta’ The Economist.
Fost il-kisbiet li semma, Konrad Mizzi aċċenna għall-inizzjattivi li ittieħdu taħt ir-responsabilita’ tiegħu fosthom l-egħluq tal-powerstation tal-Marsa, it-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-eliminazzjoni tal-problema tal-mediċini out of stock.
Konrad Mizzi qal li huwa daħal fil-politika għaliex emmen fil-viżjoni mħaddna minn Joseph Muscat.
Viżjoni li qed tħalli l-frott u ġabet bidla f’kull qasam fosthom fl-ekonomija, fis-settur tal-enerġija, fl-introduzzjoni tad-drittijiet ċivili u għajnuniet soċjali li qed jingħataw lill-persuni b’diżabilita’ u lill-pensjonanti.
Konrad Mizzi temm l-indirizz tiegħu lid-delegati tal-Partit Laburista billi kkometta ruħu li se jibqa’ impenjat biex jaħdem favur l-interessi taċ-ċittadini kollha biex Malta tkompli tesperjenza din il-bidla għall-aħjar.