Il-band OneRepublic se jkunu qed jiġu f’pajjiżna sabiex isaħħru l-folol fuq il-Fosos tal-Furjana bil-mużika tagħhom fit-18 ta’ Lulju li ġej.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
OneRepublic huma magħrufa, fost l-oħrajn, għall-kanzunetti “Counting Stars” u “I Ain’t Worried” li tul l-aħħar xhur iddominat ir-radjijiet madwar id-dinja anke wara suċċess tal-film Top Gun Maverick.
F’din il-konferenza tħabbar li, aktar tard, se jitħabbru aktar artisti li se jikkonkorru f’dan l-avveniment li ta’ kull sena jiġbed lejh eluf kbar ta’ nies u li jsir minn MTV International flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Indirizza din il-konferenza tal-aħbarijiet Russell Samuel, uffiċjal għoli minn Paramount, li hija responsabbli minn dan l-avveniment.
Sostna wkoll kif din is-sena għall-ewwel darba se jitnieda l-kunċett ta’ MTV Breaks.
“What we are offering is unprecedented access to these global MTV events where they can get great experience that can boost their CV and confidence in developing in their chosen field. So this year we are working with the Malta Tourism Authority to give one creative, someone that wants to work in production in around entertainment events to join our Isle of MTV production team.”
Intant, ONE News tkellem ukoll mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo li spjega kif kollox qed jitħejja b’reqqa għal dan appuntament anwali fil-kalendarju tal-festivals f’Malta.
Qal li anke d-data li fiha se jsir dan l-avveniment, jiġifieri t-tmintax ta’ Lulju kienet waħda strateġika.
“Il-fatt li dan l-avveniment se jsir f’nofs il-ġimgħa u mhux fil-weekend ifisser li se jkollna persuni li se jkunu Malta għall-vakanza tagħhom li jagħżlu li jtawlu l-vakanza tagħhom biex jibqgħu hawnhekk u allura din hija parti mill-istrateġija tagħna biex mhux biss inżidu n-numru ta’ turisti li jiġu hawn Malta iżda wkoll li jżidu n-numru ta’ ljieli li jqattgħu f’pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Gavin Gulia, semma s-sodisfazzjon tiegħu li dan l-avveniment se jirritorna f’pajjiżna għall-ħmistax-il edizzjoni tiegħu u enfasizza li dan it-tip ta’ appuntamenti se jibqgħu parti importanti mill-istrateġija tal-Awtorità sabiex jibqgħu jiġu attirati t-turisti lejn pajjiżna.