Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ir-REWS, fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, nieda one-stop-shop għall-applikazzjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ permessi marbutin ma’ sistemi tal-enerġija rinnovabbli u l-feed-in-tariff fuq għoxrin sena.
B’hekk inħolqot pjattaforma diġitali li se tissimplifika u tikkordina l-proċessi kollha tal-entitajiet konċernati, fosthom ir-REWS stess, l-Enemalta u anke l-ARMS.
Fi stqarrija tħabbar kif din il-pjattaforma teskludi lil dawk li se jkunu qed iwettqu proġetti li għalihom japplikaw għal skemi ta’ għotjiet.
Madankollu dawk li jkunu fi proċess marbut mas-sistemi tal-enerġija rinnovabbli se jkunu jistgħu jaċċessaw il-pjattaforma permezz tal-E-ID personali fejn wieħed se jkun jista’ jsegwi wkoll il-proċess tal-applikazzjoni tiegħu.
Din il-pjattaforma tagħti wkoll lok lill-individwi li, minflok, jimlew l-applikazzjonijiet huma personali, jistgħu jawtorizzaw fornituri f’isimihom biex jirreġistaw u jsegwu l-proċess tal-applikazzjoni tal-klijent tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, Marjohn Abela, tenna kif l-għan aħħari jibqa’ dak li tiżdied l-effiċjenza li biha jopera dan il-qasam.
“L-idea ta’ din il-pjattaforma diġitali hu li l-proċessi jiġu integrati f’sistema waħda. Din ħa tagħmel il-ħajja ta’ dawk li japplikaw aktar faċli. Biex wieħed jaċċessa din il-pjattaforma irid jidħol fil-websajt tar-regolatur, rews.org.mt, fejn hemmhekk jista’ jkompli bl-applikazzjoni tiegħu.”
Il-Ministru responsabbli mill-ambjent u l-enerġija, Miriam Dalli, spjegat l-impenn tal-Gvern fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli.
“Irridu li niffaċilitaw l-affarijiet u allura, permezz ta’ dan il-one-stop-shop, qegħdin naraw li nnaqqsu l-burokrazija. Però fl-istess ħin nagħtu viżibilità akbar lill-applikant u nagħmluha aktar faċli biex min irid jinvesti f’enerġija rinnovabbli ikun qed jgħin lill-pajjiż kollu kemm hu ħalli jkollna ġenerazzjoni rinnovabbli fis-sorsi tal-elettriku tagħna.”