ONE NEWS jaċċetta l-apoloġija tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li f’paniku mar jiġri għand il-pulizija jirraporta ġurnalista li marret tagħmel mistoqsijiet dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mad-deal tal-art tal-Löwenbräu.
L-Onorevoli Azzopardi, li qal li ħa deċiżjoni mgħaġġla, għandu jifhem li politiku m’għandux jieħu deċiżjonijiet mgħaġġla għaliex inkella l-konsegwenzi jkunu qarsa bħalma kienu f’għadd kbir ta’ okkażjonijiet meta hu kien responsabbli tad-Dipartiment tal-Artijiet.
Fil-fatt, f’mument fejn m’huma jaqtgħu xejn id-dettalji b’rabta ma’ dan id-deal skandaluż, li saħansitra kien ikkundannat mill-Awditur Ġenerali, huwa iktar importanti li d-deputat Jason Azzopardi jibda jwieġeb il-mistoqsijiet. Mistoqsijiet li ma’ kull jum li jgħaddi qegħdin jiżdiedu minflok jonqsu.
B’hekk ONE NEWS jappella lil Jason Azzopardi biex jekk vera ddispjaċieh, id-darba li jmiss jieqaf u jwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti.
Il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti huma okkażjoni unika biex Azzopardi jibda jispjega għemilu u jispjega wkoll għaliex sal-lum għadu qed jinjora r-rapport tal-Awditur Ġenerali u jirrifjuta li jerfa’ r-responsabbiltà politika.