Il-President Myriam Spiteri Debono sostniet li deputati Parlamentari għandhom ikollhom l-għażla jekk jaħdmux fuq bażi full-time jew part-time.
Hija sostniet dan f’intervista mal-ġurnalist ta’ ONE News, Samuel Lucas, propju jum wara li ħadet il-ġurament bħala l-ħdax-il President ta’ pajjiżna.
Mistoqsija dwar dan Myriam Spiteri Debono sostniet l-importanza ta’ din l-għażla hekk kif irrimarka l-importanza tal-kuntatt kontinwu man-nies mill-politiċi anke permezz tal-professjoni.
“Kultant jiena dejjem kont naħseb li aħjar ikun hemm mix, u tagħti għażla. Hemm ċerta sitwazzjonijiet li forsi jkun iktar jista’ jilħaqhom min ikun full time, imma ma nistgħux aħna naqtgħu, għax int mill-professjonijiet għandek ukoll kuntatt man-nies. Il-kuntatt man-nies jgħinek tifhem iktar lil min qed tirrappreżenta.”
Il-President Mryiam Spiteri Debono
Fost it-temi li trattat fl-intervista tagħha ma’ dan l-istazzjon, il-President Spiteri Debono tkellmet dwar il-kunflitti dinjin li qed jikkaratterizzaw fost oħrajn l-Ukrajna u l-Lvant Nofsani.
Hija sostniet kif is-soluzzjoni għal dan kollu tibqa’ dejjem id-djalogu u mhux l-armamenti.
“Id-djalogu. Jien nemmen ħafna illi bl-armamenti ma tasal imkien. Bil-pika ta’ min se jissupera lil ħaddieħor ma tasal imkien. Bl-impożizzjoni min jaħkem ‘il poplu ieħor le ma tasalx bid-djalogu anke internazzjonalment illi tifhem ‘il xulxin u tkun taf li int iżżomm postok u l-ħaddieħor ma tirfsux.”
Il-President Mryiam Spiteri Debono
L-intervista sħiħa mal-President Myriam Spiteri Debono se tixxandar is-Sibt fit-tlieta ta’ waranofsinhar.