L-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir wera li l-aħbarijiet ta’ ONE
NEWS laħqu udjenza massima ta’ aktar minn 58,000 telespeattur matul l-istaġun tas-sajf.
L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir wera wkoll li l-istazzjonijiet ONE żammew posthom fost l-iktar segwiti b’udjenzi b’saħħithom li jlaħħqu l-eluf u jaqbżu bil-kbir dawk ta’ Net News tant li f’ċertu jiem l-udjenzi huma tliet darbiet aktar minn dawk.
L-udjenza massima għal ONE NEWS tlaħħaq it-58,104 waqt li dik ta’ NET kienet ta’ 34,670.
Meta wieħed iqabbel l-udjenza medja ta’ ONE NEWS ma’ dik ta’ NET NEWS jirriżulta li l-udjenza li tara l-aħbarijiet tal-ONE hija d-doppju tan-NET NEWS.
L-istħarriġ wara wkoll li ONE Radio żamm postu bħala l-aktar stazzjon tar-radio segwit b’24.6% segwita minn Bay Radio b’udjenza medja ta’ 15%. Net FM kellu udjenza medja ta’ 8.6 fil-mija.
Fost oħrajn, il-programmi politiċi fuq ONE Radio fil-faxxa tan-nofs siegħa kellhom l-akbar udjenzi bl-eċċezzjoni ta’ jum wieħed, waqt li l-programm Sibt il-punt li jixxandar kull nhar ta’ Sibt filgħodu kien l-aktar programm ta’ diskussjoni segwit fuq l-istazzjonijiet tar-radju.
Lejlet skeda ġdida, iċ-ċermen ta’ ONE Jason Micallef laqa’ b’sodisfazzjon dan l-istħarriġ, u tenna l-impenn tiegħu għal aktar ħidma.