Minn statistika reali miġbura ta’ kuljum mill-kumpanija Melita u mifruxa fuq l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, joħroġ li ONE hu l-aktar stazzjon televiżiv privat segwit f’pajjiżna.
Din l-istatistika reali miġbura bejn Ottubru u Diċembru li għaddew, tirrifletti kemm id-djar ikunu qegħdin isegwu verament it-televiżjoni f’kull ħin tal-ġurnata.
Għal dawn it-tliet xhur, 43.85% għażlu lil ONE fost l-istazzjonijiet privati f’pajjiżna, b’34.59% jagħżlu lil NET TV, 8.17% jagħżlu Smash TV, filwaqt li 6.75% jagħżlu FLiving u 6.64% Xejk TV.
Dan il-perjodu jirrifletti l-iskeda tal-ħarifa ta’ ONE, li bosta segwaċi jkunu qed jistennew wara x-xhur tas-sajf.
Lura f’Ottubru li għadda, ONE vara skeda impenjattiva għall-gosti ta’ kulħadd, bi programmi varjati ta’ kuljum, oħrajn ta’ ġrajjiet kurrenti, diskussjoni, sportivi u drama.
Skont din l-istatistika reali, għall-maġġoranza tal-ħinijiet matul il-ġurnata, mit-Tnejn sal-Ħadd, ONE ikun fuq quddiem nett, bl-ogħla udjenzi jinkisbu fil-ħin li jixxandar il-bulettin ta’ ONE News fis-7:30 ta’ filgħaxija.
Bħala medja, din l-istatistika reali turi li ONE News jgħaddi lil NET News fil-ħin li ż-żewġ bulettini tal-aħbarijiet jixxandru fl-istess ħin fuq l-istazzjonijiet rispettivi.
Dan ir-riżultat juri l-impenn tal-istazzjon ONE li jibqa’ dejjem iwassal programmi, produzzjonijiet u xandiriet għall-udjenzi tiegħu u għal dawk li jagħżlu li jsegwuh.
F’kumment ma’ ONE News, iċ-Chairperson tal-istazzjon, Ruth Micallef, laqgħet din l-istatistika b’mod pożittiv, filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema, lill-produtturi u lil dawk kollha li jirreklamaw mal-istazzjon biex jibqa’ fuq quddiem nett fejn jidħol xandir privat f’pajjiżna.
“Dan huwa survey tajjeb ħafna. Huwa pożittiv għall-istazzjon tagħna li jindikalna b’mod ċar li fit-tliet xhur indikati – Ottubru, Novembru, Diċembru tas-sena l-oħra – il-produzzjonijiet kif ukoll l-aħbarijiet ta’ ONE ġibdu lejhom l-ogħla segwaċi minn fost l-istazzjonijiet indipendenti f’pajjiżna. Dan ikompli jimliena b’kuraġġ u aktar ħeġġa għal aktar ħidma biex niġbdu lejna aktar produzzjonijiet aktar b’saħħithom. Minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-ħaddiema tagħna u l-producers li jagħtu sehemhom biex dan l-istazzjon jibqa’ fuq quddiem.”
Iċ-Chairperson ta’ ONE, Ruth Micallef