Stħarriġ mill-kumpanija EMCS juri li s-sit ONE.com.mt huwa l-aktar sit segwit f’Malta li jippubblika stejjer bil-Malti.
B’persentaġġ ta’ 19%, l-istħarriġ juri li l-biċċa l-kbira ta’ dawk li jaqraw aħbarijiet bil-Malti, jfittxu lis-sit tal-aħbarijiet ta’ ONE News.
ONE.com.mt ġie qabel is-sit online tal-Knisja, dak tal-midja Nazzjonalista u anki tal-istazzjon nazzjonali.
Ta’ min jinnota li kemm is-sit tal-Knisja u dak tal-istazzjon nazzjonali jippubblika stejjer kemm bil-Malti u bl-Ingliż iżda skont dan l-istudju tal-kumpanija EMCS, ONE.com.mt jaqbiżhom.
ONE.com.mt jidħlu fih tliet darbiet iżjed mis-sit tal-istazzjon nazzjonali.
Dan l-istħarriġ ġie ppubblikat ftit jiem wara li l-Awtorità tax-Xandir uriet kif l-aħbarijiet ta’ ONE għandhom udjenzi iktar mit-tripplu tal-aħbarijiet tan-NET.
Dwar l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni, l-istħarriġ tal-EMCS huwa simili għal dak tal-Awtorità tax-Xandir, li jġib lil One Radio fil-quċċata b’35% filwaqt li l-istazzjon ONE jiġi t-tieni wara l-istazzjon nazzjonali u l-aktar stazzjon privat li jiġbed udjenzi lejh.
Dan l-aħħar stħarriġ sar bejn id-9 u t-18 ta’ Ġunju li għadda.