Fil-jum li fih jitħabbar il-Budget għall-2018, l-istazzjon ONE kif ukoll is-sit one.com.mt se jkun qed iżomm lis-segwaċi tiegħu aġġornati permezz ta’ programm speċjali u l-aħħar aġġornamenti.
Fil-17:30 se tkun qed issir l-ewwel parti tax-xandira speċjali fuq ONE, fejn se jkunu qed isiru għadd ta’ kollegamenti minn quddiem il-Parlament, b’mistednin speċjali fosthom Ministri, opinjonisti u ġurnalisti.
Fis-18:30 tal-lejla, se jkun qed jixxandar dirett id-diskors tal-Budget għall-2018. Matulu l-pubbliku jista’ jaqra dwar il-miżuri mħabbra fil-budget fuq ONE.COM.MT.
Ladarba jintemm id-diskors tal-Budget, il-bulettin tal-aħbarijiet se jkun qed jagħti elenku tal-miżuri ewlenin imħabbra mill-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna.
Matul l-aħbarijiet se nkunu qed ningħaqdu ukoll f’kollegament dirett mill-Belt Valletta fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jagħti l-ewwel reazzjoni tiegħu għad-dokument tal-baġit.
Wara l-aħbarijiet, tkompli t-tieni parti tax-xandira speċjali ta’ ONE News li matula fost oħrajn se jkunu qed jagħtu r-reazzjoni tagħhom l-Imsieħba Soċjali.