F’Lulju meta s-segwaċi tat-televiżjoni jibdew imajnaw xi ftit, l-istazzjonijiet ONE żammew posthom fost l-iktar segwiti b’udjenzi b’saħħithom li jlaħħqu l-eluf.
Skont stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir li sar f’Lulju, xahar wara l-kampanja elettorali, ONE NEWS żamm udjenżi li jiżbqu bil-kbir dawk ta’ NET NEWS tant li fi ġranet minnhom l-udjenzi huma erba’ jew tliet darbiet iktar.
L-udjenza massima għal ONE NEWS tlaħħaq s-sebgħa u erbgħin elf persuna, dik ta’ NET qatt ma taqbeż it-tnejn u għoxrin elf.
Meta wieħed iqabbel l-udjenzi medji tat-televiżjoni jsib li ONE iħabbatha mal-istazzjon nazzjonali u l-udjenzi huma tliet darbiet iktar minn NET.
Filwaqt li TVM għandu udjenza medja ta’ tlieta u għoxrin fil-mija (23%), ONE għandu udjenza medja ta’ dsatax punt tmienja fil-mija (19.8%) u NET sitta punt erbgħa (6.4%) fil-mija. L-aħbarijiet u l-ġrajjiet baqgħu l-iktar segwiti u warajhom segwit id-drama.
ONE RADIO kaxkar l-istazzjonijiet l-oħra b’udjenza medja li tlaħħaq l-erbgħa u għoxrin punt sebgħa fil-mija (24.7%). Segwa lil One Radio, Bay Radio b’udjenza medja ta’ ħdax punt erbgħa fil-mija. (11.4)