Proprju llum fil-jum li l-poplu Malti u Għawdxi ser qed ikun qed jivvota fl-Elezzjoni Ġenerali, l-istazzjon ONE ser ikun qed jippreżenta programm speċjali bl-isem ‘Malta Tivvota.’
Tul il-ġurnata l-istazzjon ser iżomm lis-segwaċi tiegħu aġġornati kontinwament bl-aħħar aħbarijiet dwar l-elezzjoni ġenerali bit-trażmissjoni speċjali ser tibda fis-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħodu u ser tibqa’ għaddejja b’mod dirett sa ma tintemm il-votazzjoni.
Matul il-jum il-programm se jkun imżewwaq b’aġġornamenti dwar il-jum tal-elezzjoni iżda ser ikollu mistednin varji għal diskussjoni dwar bosta temi.
F’dan il-programm speċjali ser jingħaqdu wkoll bosta ġurnalisti mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE News minn lokalitajiet varji minn madwar Malta u Għawdex sabiex ikunu jistgħu jaqsmu l-aħħar informazzjoni disponibbli dwar il-proċess tal-votazzjoni.
Il-programm ser ikun ippreżentat minn Wayne Aquilina, Jason Micallef, Simone Cini u Josette Sciberras.