Bi stennija għar-ritorn tal-festi ċċelebrati bil-mod tradizzjonali, kif konna mdorrijin bih qabel il-pandemija, matul ix-xhur sajfin l-istazzjonijiet ONE se joffru diversi xandiriet iddedikati għall-festi
Ix-xandiriet se jsiru fuq it-televiżjoni, ir-radju kif ukoll fuq is-sit one.com.mt.
L-iskeda tas-sajf fuq it-televiżjoni se tinkludi l-programm ‘Mill-Festa’. Dan il-programm se jkollu intervisti esklussivi minn diversi bliet u rħula madwar il-pajjiż kif ukoll diversi xandiriet diretti li jvarjaw minn funzjonijiet esterni organizzati mill-kumitati rispettivi sa funzjonijiet fil-knejjes.
Il-programm ‘Mill-Festa’ se jibda minn Ħaż-Żebbuġ bil-festa ddedikata lil San Filep, li tiġi ċċelebrata nhar it-12 ta’ Ġunju.
Il-programmi mistennija jsiru kull nhar ta’ Ħadd, fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija u se jibqgħu jżuru l-lokalitajiet tul is-sajf kollu sa Settembru.
Barra minn hekk, b’inizjattiva ġdida ta’ dan l-istazzjon flimkien mal-kmamar tan-nar fil-lokalitajiet, is-sit one.com.mt u l-mezzi soċjali tal-istazzjon se jxandru l-ispettakli tan-nar tal-ajru.
Dawn ix-xandiriet diretti mistennija jibdew mill-festa ta’ San Ġużepp, li tiġi ċċelebrata f’Ħal Għaxaq.
Il-wirja piroteknika se ssir mill-Kumpless tan-Nar San Gużepp fi ħdan l-Għaqda Mużikali San Ġużepp, nhar is-Sibt 4 ta’ Ġunju.
Is-Segretarju tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, Frankie Zammit, qasam magħna dettalji dwar x’mistennija jaraw id-dilettanti tan-nar minn din il-lokalità, f’waħda mill-ewwel festi tas-sajf.
Zammit stqarr, “Il-kamra tan-nar tagħna ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq se tkun qed terġa’ ttella’ l-ispettaklu ‘Flames of Fire’, fejn ħa jkun hemm, fost oħrajn, nar sinkronizzat mal-mużika, murtali tradizzjonali Maltin, u ħarqa sabiħa tan-nar tal-art.”
B’hekk, permezz ta’ dawn ix-xandiriet li se jolqtu kull aspett tal-festa tradizzjonali Maltija, l-istazzjonijiet ONE se jaċċertaw li jwasslu l-esperjenza tradizzjonali fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.