Ommu kienet tabbuża mid-droga waqt li kienet tqila bih, kienet tipprostiwixxi ruħha, u kważi abortietu għaliex ma kienx tifla. Ta’ sena, Joseph sab ruħu f’istitut, u għalkemm ġie adottat minn diversi familji, dejjem reġa’ sab ruħu fl-istitut.
Joseph spjega li din kienet ħajtu sakemm darba adottah xi ħadd minn familtu stess u beda jabbuża minnu.
Huwa: “Imbagħad xi ħadd minn tal-familja aċċettani u mort għandu u wara ftit ġranet beda jbagħbasni u jirrejpjani u tlaqt.”
Joseph eventwalment ħarab u għamel żmien jorqod fuq il-bankijiet fit-triq qabel ma’ eventwalment daħal f’home. Qasam kif hawnhekk, għall-ewwel darba f’ħajtu ħass li xi ħadd kien jimpurtah minnu, hekk kif meta kellu tnax -il sena ommu ħarġitu mill-home biex jgħix magħha.
Sfortunatament, ma kienx kuntent għal żmien twil hekk kif ommu bdiet iġġiegħlu jipprostitwixxi lilu nnifsu ta’ tnax-il sena.
Huwa stqarr: “Immorru ġo xi post u jkun hemm xi ħadd jistenna mbagħad kienet tgħidli eżempju “Dak” u nkun irrid immur miegħu. U wara nagħtiha l-flus. Il-flus minn xi sebgħin ‘il fuq. Hi kienet tgħidli skont xi jridu n-nies u anke skont kemm siegħat tagħmel.”
Meta Joseph ma kellu lil ħadd, kienet il-YMCA li għenitu jtejjeb is-sitwazzjoni tiegħu, tant li llum jaħdem u jgħix għal rasu. Issa Joseph qed jgħin persuni oħra b’realtajiet ħorox iqumu fuq saqajhom ukoll.
Int ukoll tista’ tassigura li nies bħal Joseph isibu l-għajnuna li għandhom bżonn billi tagħti donazzjoni waqt il-maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-YMCA li se ssir il-Ħadd.
Huwa ħeġġeġ lil kull min jista’ jgħin sabiex jagħmel id-donazzjoni tiegħu.