Huma mija l-każijiet ta’ vjolenza minn tfal fuq il-ġenituri tagħhom li ħadmet magħhom il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjajli matul din l-aħħar sena.
Il-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti qal ma’ ONE NEWS li din hija realtà ġdida li qed isiru jafuha grazzi għall-koperazzjoni mal-iskejjel.
“Dawn il-mitt każ fit-80% minnhom l-abbuż qed isir fuq l-omm, isir miż-żewġ sessi, kemm subien u kemm bniet pero l-maġġoranza huma subien, fil-fatt minn dawk it-80%, 70% huma subien li qed jagħmlu vjolenza fuq ommhom.”
Huwa qal li ll-Fondazzjoni investitiet fit-taħriġ tal-impjegati tagħha li jaħdmu f’dan il-qasam anke permezz ta’ esperti minn barra.
“Aħna qed nagħtu taħriġ, sa ġibna l-ogħla esperti minn barra lill-ħaddiema tagħna biex ikunu jistgħu jaħdmu ma’ din ir-realtà ġdida, din il-ġimgħa stess daħlilna każ ta’ tifla ta’ għaxar snin, li qed tuża vjolenza fuq ommha, u fiduċjużi li se nkomplu nqajmu għarfien dwar din il-problema u b’hekk ngħinu lil dawn it-tfal għax ma jafux aħjar.”
Fil-Jum Internazzjonali kontra l-vjolenza domestika, il-fondazzjoni qed tistieden lill-familji jattendu għal attività li se tiddiskuti din ir-realtà ġdida is-Sibt li ġejn bejn l-10.00 u l-11.30 ta’ fil-għodu quddiem il-Parlament.