Bosta ommjiet Pollakki qed iħallu pushchairs fil-fruntiera mal-Ukrajna, biex meta jasslu ommijiet Ukreni bit-trabi f’idhom minn vjaġġ bil-ferrovija ikollhom fejn ippoġġu lil uliedhom.
Fil-fatt, ritratt li ttieħed minn fotografu li nzerta fuq il-post u li qed idur fuq il-mezzi soċjali, juri bosta puschairs lesti għal ommijiet Ukreni li ħarbu minn pajjiżhom b’ta’ fuqhom senduqhom.
Mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna kważi ġimagħtejn ilu, maż-żewġ miljun Ukren sabu refuġju f’pajjiżi ġirien.
Qed jiġi rrapportat li mat-800,000 minnhom huma tfal, b’uħud minnhom jivvjaġġaw waħidhom mingħajr il-ġenituri tagħhom.
Din hija s-sitwazzjoni ddisprata li jinsabu fiha ħafna familji Ukreni, li saħħansitra tkun deċiżjoni tal-ġenituri li jibgħatu lil uliedhom waħdihom bit-tama li jkollhom futur aħjar.
Fil-fatt, ilbieraħ tifel ta’ 11-il sena wasal qawwi u sħiħ fl-Islovakkja wara vjaġġ bil-ferrovija ta’ 1,200 kilometru; fuqu kellu biss żewġ basktijiet żgħar, passaport u n-numru tat-telefown tal-familja tiegħu miktub fuq idu. It-tfajjel ivvjaġġa waħdu hekk kif ommu ma setgħatx tħalli lill-ommha warajha.
Ritratt: Francesco Malavolta