Il-bidu ta’ sena skolastika rat il-bidu tal-proġett “tablet per child” għall-istudenti tar-raba’ sena. Liema proġett qed jintlaqa’ tajjeb ferm mill-istudenti, ġenituri u għalliema. Dan jidher biċ-ċar fil-kummenti li fost oħrajn qed isiru fuq is-sit soċjali facebook dwar dan il-proġett.
Dan li jidher fir-ritratt kien propju wieħed mill-kummenti ta’ omm sodisfatta b’dan il-proġett. Hija spjegat li t-tablet hija kompluta b’kollox, inkluż l-applikazzjonijiet edukattivi li se jkunu sors ta’ tagħlim għall-istudenti.
“Inizjattiva bħal din iżżomm il-metodi ta’ tagħlim pari passu maż-żminijiet. Tfal li l-ġenituri tagħhom ma jaffordjawx tablet mhux se jitħallew jaqgħu lura jew ikunu inqas minn ħaddieħor. Kliem ta’ tifħir kbir għal din l-inizjattiva,” stqarret l-omm.
Filfatt, permezz ta’ dan il-proġett l-istudenti se jkunu qegħdin jitgħallmu jużaw it-teknoloġija għall-istudji tagħhom. Teknoloġija li se jkunu qed jużaw fuq il-post tax-xogħol fi ftit snin.
L-għalliema ukoll ingħataw it-taħriġ neċċessarju dwar l-użu ta’ din it-tablet, użu li se jkun qed jiġi spjegat bl-aħjar mod, anke meta għandha tintuża din it-tablet.