Kumpaniji u periti qed jikkompetu bejniethom biex ikunu huma li jiddisinnjaw u jmexxu r-rinovar ta’ għadd ta’ binjiet tal-Gvern li tħallew għal snin twal fi stat t’abbandun.
Waħda mid-djar li kienet għall-kompetizzjoni fl-2019 kienet Dar Tereża f’Bormla, waħda minn sensiela ta’ binjiet abbandunati li l-gvern kien identifika għar-rinovar, biex eventwalment jintużaw minn persuni vulnerabbli.
Dar Tereża ġiet estiża biex tkun tista’ tilqa’ fiha nisa li jkollhom bżonn kura għas-saħħa mentali, mingħajr ma jinfirdu ma’ wliedhom.
Il-perit Alexia Mercieca spjegatilna li l-Fondazzjoni Richmond se tkun qed tipprovdi servizzi f’Dar Tereża.
Qalet kif, “Se jkun l-ewwel post f’Malta għan-nisa bi problemi ta’ saħħa mentali u wliedhom. Se tkun l-ewwel darba li, jekk l-omm għandha bżonn xi kura, għajnuna jew terapija, it-tfal jistgħu jibqgħu magħha. Se jkun hemm kmamar separati biex jekk, per eżempju, għandha tlett itfal, kulħadd għandu s-sodda tiegħu u kulħadd jista’ joqgħod komdu.”
Iżda Dar Tereża mistennija tilqa’ wkoll residenti oħra tal-madwar.
Qalet, “Se jkun proġett mhux biss għal min se jkun qed jużah, imma anke għall-komunità. Hekk qed nelevaw l-komunità wkoll, u allura qed naħsbu biex fis-sular ta’ isfel nagħmlu spazju għall-komunità fejn dawn jistgħu jiġu jieħdu kafè. Hekk is-sens ta’ komunita inħeġġuh.”
Is-sottomissjonijiet għall-proġett se jintlaqgħu fi Frar mill-Kamra tal-Periti, li ħadmet diġà fl-ewwel sejħa marbuta ma’ dan il-proġett.
Andre Pizzuto, il-President tal-Kamra tal-Periti, spjega wkoll li din id-darba ħasbu biex aktar periti jew kumpaniji jkunu mħeġġa jagħtu sehemhom.
Qal, “Se jingħata premju finanzjarju wkoll lil dawk li jiġu klassifikati fl-ewwel tliet pożizzjonijiet. Dan se jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni għaliex il-periti li ma jirħbux ikollhom l-ispejjeż maħsuba u jkunu mħeġġa aktar jipparteċipaw.”
Hawn spjega wkoll x’se jipprijoritizzaw tul l-għażla.
Spjega kif, “Qed indaħħlu aspetti ġodda li qed isiru dejjem aktar importanti fejn tidħol is-sostenibbiltà, bħal per eżempju xi miżuri ambjentali jew soċjali, li rridu nibdew nifħu għajnejna u nifhmu li dawn huma bżonnjużi wkoll.”
Din hija t-tieni allokazzjoni ta’ bini abbundunat li qed jagħmel il-gvern bil-għan li jkunu jistgħu jintużaw minn persuni vulnerabbli.
Għal din it-tieni sejħa resqu ‘l quddiem sittin perit, li jfisser li rdoppja l-interess mill-ewwel sejħa.
Ma’ Dar Tereża f’Bormla, fit-tieni sejħa ġew identifikati wkoll dar f’San Ġwann li se tintuża mill-MGRM, propjetà oħra fil-Belt favur anzjani bla saqaf fuq rashom, u dar f’Birkikara li se tilqa’ fiha żgħażagħ, nisa u tfal vittimi ta’ vjolenza domestika.