Il-Pulizija qed tinvestiga dak li qed jitqies bħala omiċidju doppju ta’ Marija Lourdes u Angele Bonnici, omm ta’ 70 sena u bint ta’ 29 sena li t-Tlieta li għadda ġew rrappurtati nieqsa mit-tifel tal-vittma Joseph Bonnici ta’ 39 sena. Il- nisa nqatlu b’għadd ta’ tiri u nstabu maqtula u midfuna fi Trejqet Santu Kristu f’għalqa fil-Gudja. Jidher li l-aggressjoni intuża wkoll oġġett iebes.
Sorsi qalu ma’ one.com.mt li l-Pulizija arrestat lit-tifel ta’ Marija Lourdes fuq il-post b’rabta ma’ dan l-omiċidju u qed jinżamm arrestat biex jgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha. Dan wara li allegatament iben il-vittma jidher li ammetta li kien hu li qatel lil ommu u lil oħtu Angele.
Matul il-lejl, marru fuq il-post għadd kbir ta’ uffiċjali tal-Pulizija li bdew bl-investigazzjonijiet tagħhom b’rabta ma’ dan l-ewwel omiċidju tas-sena. Permezz ta’ diversi pali, il-pulizija bdiet tħaffer fil-ħamrija fejn sabu liż-żewġ nisa midfuna fuq xulxin f’ħofra li allegatament ħaffer l-allegat qattiel wara li qatilhom.
Il-Pulizija qalet li sabet il-katavri tal-omm u l-bint wara li għal ħinijiet twal ġew mitkellma bosta persuni. Żiedet tgħid li kien qarib tal-vittmi li ta indikazzjoni li wasslet biex Maria Lourdes u Angele jinsabu mejta fl-għalqa.
one.com.mt jinsab infurmat li hemm suspetti li l-vittmi ma nqatlux fuq il-post. Filfatt hu mifhum li l-investigaturi qed jimxu fuq it-teżi li ż-żewġ nisa ma nqatlux fuq il-post, iżda ttieħdu hemmhekk mejta u eventwalment indifnu.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo li ħatret bosta esperti biex jassistuha fl-inkjesta, fosthom it-Tabib Forensiku Mario Scerri.
One news jinsab infurmat li missier il-qattiel qed jiskonta sentenza ta’ ħabs fuq qtil doppju ieħor li seħħ fil-bidu tas-snin 2000.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ qed jitmexxew mill-Ispettur Roderick Attard mill-Għassa taż-Żejtun u l-ispetturi Keith Arnaud u James Grech mill-Iskwadra tal-Omiċidji.
http://www.one.com.mt/2019/03/30/hbieb-ta-angele-mahsuda-bil-qtil-taghha/
http://www.one.com.mt/2019/03/30/it-tieni-tragedja-ghall-familja-bonnici-fi-ftit-snin/
http://www.one.com.mt/2019/03/30/konfermata-l-omm-u-l-bint-ma-nqatlux-fl-ghalqa-li-nstabu-midfunin-fiha/