Mara ta’ 24 sena residenti l-Birgu weġġgħet gravi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Ħal Qormi.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija fi Vjal De La Cruz.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li l-mara kienet qed issuq Toyota Vitz, tilfet il-kontroll, ħabtet ma’ Renault Megane li kienet ipparkjata u nqalbet.
Fit-Toyota kien hemm ukoll tifla ta’ erba’ snin u tifel ta’ sena.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet il-persuni involuti l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li ż-żewġt itfal ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.