Bħalissa flimkien ma’ ommu, żagħżugħ ta’ 17-il sena jinsab fi sptar f’Birmingham l-Ingilterra fejn qed isirulu għadd ta’ operazzjonijiet.
Qaltilna li qed ibati minn kundizzjoni li qed taffettwalu ħajtu fejn saħansitra l-ispina tgħawwġitlu .
“Ta’ seba snin, bdiet tingħawwiġlu l-ispina, u kompliet tiggrava. Għall- bidu kien jilbes brace imma ma ħadmitx, u ġietu severe scoliosis. Ħolqitlu problemi oħrajn, għax tgħawwġitlu n-naħa minnhom tal-pulmun. Beda jaqta’ ħafna nifsu. Wara żewġ minuti jimxi jaqta’ nifsu. Allura din trid issir, l-ewwel ħaġa, minħabba l-image tiegħu. Konxju ħafna fuqha u t-tieni ħaġa ma jistax jibqa’ hekk.”
OMM IŻ-ŻAGĦŻUGĦ
Għalkemm tella’ l-kotba miegħu, biex ikompli jistudja kif jista’, iż-żagħżugħ qed isibha diffiċli biex il-ħolm tiegħu għall-ġejjieni jsiru realtà. Qaltilna li hi u binha bħalissa jinħtieġu l-għajnuna finanzjarja.
Semmietilna li l-Gvern Malti flimkien ma’ Puttinu tawhom l-għajnuna.
“Bħala għajnuna l-gvern, ħalsilna l-flights, l-ivjaġġar bl-ajru u t-taxis, u l-operations tat-tifel.”
OMM IŻ-ŻAGĦŻUGĦ
Tlabniha tgħidilna x’se tkun it-triq ‘il quddiem għal binha, li minn kliemha jidher ċar li se tieħu fit-tul.
“Hawn minn jgħaddilu wara ċertu żmien, u barra minn hekk, l-ewwel intervent li għamel qed jieħu żmien biex jippruvaw jagħmlulu corrections fl-ispina ħalli jkun lest għat-tieni operazzjoni u din ma nafux kemm ndumu biex issir il-ħaġa.”
OMM IŻ-ŻAGĦŻUGĦ
Filwaqt li rringrazzjat lill-organiżazzjoni Doninu Malta Gozo, tal-għajnuna li qed jagħtuhom, hija stiednet lill-pubbliku Malti li jekk jixtiequ li jtaffu ftit mill-piż tagħha u ta’ binha, jistgħu jibgħatu l-għajnuniet finanzjarji permezz ta’ tal-Bov App jew Revolut fuq +356 999 010 78.