Mara li nstabet ħatja li ffastidjat lill-eks sieħeb tagħha wara li għajritu “purċinell” waqt li kienet qed tibgħatlu l-messaġġi biex titolbu jħallas kont tad-dentist ta’ binthom, rebħet l-appell li ressqet.
Il-koppja ħassru madwar tliet snin ilu iżda l-omm, li għandha 26 sena, allegatament ibbumbardjat lill-eks sieħeb tagħha bil-messaġġi biex titlob għall-flus filwaqt li ċċaħdu milli jara lil binthom, skont xhieda li ta r-raġel.
Hu ħa għalih meta għajritu purċinell, fost l-oħrajn, u għamel rapport mal-Pulizija.
Il-mara tressqet il-Qorti akkużata li għamlet użu ħażin minn aġġeġġi elettroniċi tal-komunikazzjoni u li ffastidjat lill-eks sieħeb tagħha fi tliet okkażjonijiet bejn is-27 ta’ Marzu u l-5 ta’ April tal-2020.
F’Ottubru tal-2020, il-Qorti ħelsitha mill-ewwel akkuża iżda sabitha ħatja tat-tieni akkuża u ntalbet iżżomm il-paċi mal-eks sieħeb tagħha.
L-omm appellat minn din id-deċiżjoni u I-Qorti rat kif id-diżgwid beda jseħħ b’rabta ma’ binthom. L-omm allegat li l-eks sieħeb tagħha kien qed jaħrab mir-responsabbiltajiet ta’ missier biex ma jħallasx il-manteniment.