Minkejja d-diversità li tikkaratterizza lilna l-bnedmin, il-logħob tal-iSpecial Olympics Malta li se jibda f’pajjiżna fil-jum tal-Ġimgħa se jagħti vuċi lil dawk it-tfal u żgħażagħ li għandhom abbiltajiet diffferenti.
Fost il-madwar elf atleta minn 25 pajjiż li se juru l-ħiliet tagħhom f’dan il-Logħob, hemm Jake Gatt, ta’ għoxrin sena, li jinsab fuq l-ispettru tal-awtiżmu u li se jieħu sehem f’diversi diviżjonijiet.
Marika, omm Jake , qasmet magħna l-istorja ta’ kif indunat li Jake għandu l-awtiżmu u qalet li, avolja xejn ma kien ward u żahar u kien hemm żminijiet diffiċli ferm, qatt ma qatgħet qalbha.
Qalet, “Jake kellu sentejn, kif qed tgħid, meta ġie diagnosed. Huwa tewmi ma’ tifla, allura stajt nara d-differenza bejniethom. Fil-bidu kienet xokk kbira, u Jake ta’ 2 mhuwiex Jake issa ta’ 20. Kien ikollu ħafna tantrums, kien non-verbal totally, sakemm kellu erba’ snin lanqas ma kien jgħid.”
Il-kowċ Amanda Dimech ħadmet qatigħ biex Jake daħal b’ruħu u b’ġismu għal din il-kompetizzjoni – u rnexxilha, għax Jake iħossu kuntent għall-aħħar li għandu din l-opportunità biex jieħu sehem f‘kompetizzjoni daqshekk important. B’entużjażmu jistqarr li se jagħmel minn kollox biex jirbaħ it-tellieqa.
Qal, “It makes me feel helpful because I can improve on trying my best. I can train hard as muh as possible, even during the games. I’ll try my best to win. Yes. That’s how I’m gonna feel. I’m gonna work hard, run very fast and try to beat everyone.”
Marika, kompliet tgħid li, fl-iSpecial Olympics, hi u Jake sabu familja li laqgħethom bi jdejha miftuħa. Meta Marika rreferiet għal binha u għal kif l-iSpecial Olympics ħallew impatt fuqu, qalet li din kienet waħda mill-affarijiet li imbuttatu biex iħossu kapaċi u l-isport spiċċa mlieh b’entużjażmu ġdid għall-ħajja.
Qal, “Hija xi ħaġa fenominali, Special Olympics, lanqas hemm kliem biex nirringrazzjahom għaliex hija opportunità unika. Permezz ta’ din, Jake qed iħossu inklussiv, qed iħossu li huwa abbli li jagħmel xi ħaġa, għandu l-opportunità jikkompeti ma’ atleti oħra bl-abbilità tiegħu. Allura dak kollu li ħadem għalih issa kapaċi biex joħorġu u jagħmlu.”
Fl-aħħar hija għamlet appell lil dawk il-ġenituri kollha li għandhom it-tfal tagħhom bl-awtiżmu biex jikkuntattjaw lil Special Olympics għaliex hija xi ħaġa fenominali li tara t-tifel jew it-tifla tiegħek jissoċjalizzaw ma’ tfal bħalhom u li jħossuhom parti minn komunità.
Qalet, “Definetely ninkoraġġihom, ikkuntattjaw special olympics għax jiena qatt ma bsart li ħa jkun dan ir-riżultat. Iġifieri mhux qed ngħid għax żviluppa fiżikament u għax qed jiġri aktar u tjieb fl-isports iżda kienet an overall package. Iġifieri hija xi ħaġa fejn huma jħossuhom abbli u parti minn komunità li huma tal-livell tagħhom.”