Għal ħafna, l-ezcema hija kundizzjoni fil-ġilda li toħloq skumdità kbira lill-pazjent. Ħafna jafuha biss bħala iritazzjoni fil-ġilda li wieħed irid kontinwament jieħu ħsieb.
Ftit forsi jifhmu l-uġigħ li l-pazjenti b’din il-kundizzjoni u qrabathom jgħaddu minnhom meta l-każ ikun sever.
ONE News iltaqa’ ma’ Melissa Zarb, omm ta’ żewġt ibniet u segretarja tas-Soċjetà Maltija dwar l-eczema, li minkejja kollox ma ħallietx il-kundizzjoni li twieldet biha twaqqafha milli tgħix ħajjitha.
Spjegat li għalkemm il-ħakk kultant huwa insapportabbli, mhux l-uniku inkwiet tal-pazjenti bl-eczema.
“Huwa kkalkulat li kuljum, persuna bl-eczema għandha bżonn tliet sigħat biex tikkuraha. Tliet sigħat biex tikkontrolla. Għall-parents diffiċli ħafna u anke għall-partner li jkollok.” Stqarret Zarb.
Spjegat ukoll li l-eczema severa għandha tendenza wkoll li twassal għal dipressjoni.
“U dipressjoni mhux biss il-pazjent. Speċjalment għall-ġenituri, diffiċli jaraw it-tfal ibatu, u hemm l-att finanzjarju u tara li qed tonfoq il-flus biex tfejjaq lit-tfal u tara l-oġġett mhux jaħdem huwa frusttranti ħafna, l-eczema mhux faċli meta tkun severa biex timmaniġjaha.” Kompliet tgħid.
Bħalissa s-soċjetà għaddejja b’diskussjonijiet mal-Gvern biex mediċini għall-eczema jibdew jingħataw b’xejn. S’issa dawn il-mediċini huma disponibbli biss abbażi ta’ ħlas li ħafna drabi l-familji ma jkunux jifilħu għalih.
“Tal-anqas ċertu mediċini li huma ftit għoljin li huma available fl-Ewropa imma Malta ma daħlux. Hemm diskussjonijiet għaddejjin fejn la darba jiġu Malta dawn jingħataw b’xejn lill-pazjenti tal-eczema u anke lil pazjenti bi skin diseases oħra.” Saħqet.
Mellissa qalet li s-Sibt membri mis-soċjetà se jżuru tnax-il spiżerija madwar Malta biex jgħaddu informazzjoni dwar il-kundizzjoni u x-xogħol li tagħmel is-soċjetà.
Għalkemm l-għarfien u l-aċċess għall-mediċini huwa kruċjali fil-ġlieda kontinwa kontra l-kundizzjoni, Melissa kellha messaġġ importanti għal kull min jgħix bil-kundizzjoni: kuraġġ.
“Qatt ma waqqfitni milli nsiefer per eżempju. Ovvjament dejjem nieħu kollox miegħi anke jekk tkun mild. L-importanti li int taċċetta dak li għandek u titkellem dwarha u tgħin lilek innifsek u lil ta’ madwarek biex you deal with the problem.” Ikkonkludiet Zarb.