Permezz ta’ forum dedikat għan nisa, fejn nisa jgħidu tagħhom u jaqsmu pariri, mara qalet li hija omm fi bżonn urġenti tal-għajnuna.
Min ġibdilna l-attenzjoni għal din il-kitba esprima tħassib għall-fatt li jekk hi veritiera, hemm tarbija involuta. U għalkemm tajjeb titkellem, tajjeb ukoll li wieħed ifittex l-għajnuna fejn jista’ jsibha, u llum hemm ħafna fejn wieħed jista’ jirrikorri.
Il-mara qalet li tixtieq tibqa’ anonima u tat dettalji speċifiċi tal-każ tagħha, fosthom anke dwar użu ta’ droga fil-familja. Qalet li l-vizzju qed iwassal biex tgħix f’infern u saħansitra tinsab bla flus.
Ilmentat kif aġenziji li joffru l-għajnuna għandhom lista ta’ stennija twila u li għalhekk qed tfittex alternattiva. Fil-forum qamet diskussjoni sħiħa u one.com.mt ippubblika artiklu bid-dettalji bil-għan li jħeġġeġ lill-mara tagħmel kuntatt għall-għajnuna u jqajjem kuxjenza.
L-artiklu fuq one.com.mt qajjem diskussjoni fl-istess forum fejn intqal li l-artiklu fuq one.com.mt jista’ jkun qed jesponi l-mara għall-periklu.
B’rispett u biex ma nieħdux riskji neħħejna d-dettalji speċifiċi. Iżda, ladarba ntqal dan niġbdu l-attenzjoni li l-messaġġ wasal għandna mingħand terzi li huma membri tal-grupp u għalhekk dak li ntqal fil-forum huwa pubbliku daqskemm huwa one.com.mt.
Jew f’dan il-każ iktar għaliex kollox oriġina minn hemm.
Intant jekk din il-persuna tixtieq tagħmel kuntatt, tista’ tikteb fuq onenews@one.com.mt