Madwar għoxrin sena ilu, Doreen għaddiet minn mument imnikket ħafna meta tilfet lil bintha Antonella ta’ erbatax-il sena wara li kellha l-marda kiefra tal-kanċer.
Iltqajna mal-omm f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, fejn spegatilna l-uġigħ li għaddiet minnu.
“Ħadna l-aħbar fit-2000, li t-tifla kellha tumor f’irkuptejha. Imbagħad qalulna li rridu nitilgħu għall-operation l-Ingilterra u kienet xokk ieħor. Żewġ shocks fuq xulxin għax l-ewwel tieħu l-aħbar li t-tifla għandha bone tumor u oħra li trid titla l-Ingilterra, ma jkollokx fejn toqgħod.”
Hija spjegatilna li f’dan iż-żmien il-Puttinu Cares għadha ma twaqqfitx u qaltilna li telgħu tliet darbiet l-Ingilterra.
Niżlu lura Malta biex ikomplu bil-ħajja normali, iżda d-destin ma riedx.
“Qisek ħa terġa’ tibda l-ħajja, it-tifla marret l-iskola u lanqas għamlet tlett ijiem, telgħalha d-deni u reġa ħarġilha. Ġie lura f’post fejn ma xtaqnihx li jiġi għax imbagħad marilha fil-pulmun.”
Qalulha li m’hemmx tama u xahar wara, Antonella, żagħżugħa fi fjur ta’ ħajjitha tilfet ħajjitha.
F’din l-intervista, l-omm li ġarbet it-telfa ta’ bintha spjegatilna l-importanza ta’ Puttinu f’mumenti daqshekk diffiċli.
“Li inti tidħol hemmhekk u meta tmur għand Puttinu, jgħidlek issa inti oqgħod trankwill, ħalli f’idejna, dak hemmhekk serħan il-moħħ, fis-sens ma tridx toqgħod tfittex kif aħna għamilna, għandek biċċa xogħol lesta.”
L-omm sostniet li l-għajnuna li jagħti llum il-ġurnata Puttinu Cares hija ta’ spalla.
Hija appellat biex f’dan il-jum, il-poplu Malti u Għawdxi jgħin lill-Puttinu.
“Hekk ma jkunux il-Maltin u l-Għawdxin, ma jkunx hemm Puttinu, naħseb jien. Jiġifieri nappella lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex jgħinu kemm jistgħu mill-ftit li għandhom, imma jgħinu lill-Puttinu, għax illum jew għada ma tafx meta se tiġi bżonnhom.”