Jum San Valentinu mhijiex ġurnata ta’ mħabba għall-koppji kollha, hekk kif sfortunatament hemm dawk li f’darhom qed isofru xi tip ta’ vjolenza domestika mis-suppost maħbub jew maħbuba.
Mingħajr ma riedet tikxef l-identità tagħha, ma’ ONE News tkellmet omm ta’ żewġt itfal li għal għoxrin sena sħaħ kienu vittmi ta’ swat u mġieba agressiva mir-raġel li suppost wera lejhom biss imħabba.
Emozjonata, l-omm iddeskriviet id-dwejjaq li kien jaqbadha meta jkun qed joqrob Jum San Valentinu, u minħabba żewġha ma tkunx tista’ tiċċelebrah kif suppost.
“Għalija dawn il-festi meta kienu jiġu, dejjem kienu ta’ dwejjaq kbar għalija. Kont nibda minn ġimgħa qabel, dwejjaq kbar aktar u kont ngħid aħjar ma jiġux dawn. Għax fuq il-midja tibda tara, ir-reklami toħroġ barra tara li kulħadd ibiegħ il-fjuri u s-softoys u jiena nkun għaddejja minn martirju.”
Iżda llum il-ġurnata l-istorja għaliha, hija ferm differenti, hekk kif Jum San Valentinu u l-kumplament tal-ġranet l-oħra qed tqattagħhom imdawwra b’għożża u mħabba.
“Issa differenti u at least ingawdih bħal kulħadd, ma tistax tibqa’ taħseb imbagħad. Il-weġgħa hemm tibqa’ u xorta tibqa’ taħseb u xorta tibqa’ thewden minħabba t-tfal u hekk. Imma tipprova tinsa u tgħid illum Jum San Velntinu u nipprova ngawdih bħal ħaddieħor.”
L-omm, li għal żmien twil kellha bżonn għajnuna sabiex tirkupra mill-esperjenza negattiva li għaddiet minnha, kellha appell wieħed għal dawk il-vittmi li llum ħarġu minn relazzjoni tossika u daħlu f’oħra fejn verament tirrenja l-imħabba.
“L-appell tiegħu huwa sabiex ħadd ma jaqta’ qalbu minn qiegħed f’din is-sitwazzjoni u forsi min hu fis-sitwazzjoni u issa għandu relazzjoni biex ma jaqtax qalbu u jimxi ’l quddiem u nfakkru li llum hemm ħafna għajnuniet.”