“Il-marda tikkmandali ħajti. Dan jiena nsejjaħlu n-normal il-ġdid tiegħi.”
Kliem Dr. Ethel Vento Zahra. Dentista u omm ta’ tifla ta’ 7 snin, li 4 snin ilu ħarġilha l-kanċer tas-sider u li sfortunatament minkejja t-trattament li ħadet fl-aħħar snin, infirxilha, tant li sar wieħed ta’ stadju 4.
F’intervista ma’ ONE News f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, Ethel spjegat l-istorja tagħha. Storja issa kkaratterizzata fi ġlieda kontra l-marda qerrieda li b’kuraġġ ta’ sur issa ilha tiġġilidha għal tant żmien.
Hija stqarret: “Ma hemmx kura bħalissa. Jinżamm taħt kontroll speċi. Ikun qisu marda kronika.”
Qalet kif il-marda għandha l-fażijiet diffiċli tagħha. Fażijiet li sfortunatament ixekkluha milli tipprattika l-professjoni li tant tħobb.
Ethel sostniet: “Jiena eqridni u għidli poġġi bilqegħda u ma nagħmel xejn. Miniex kapaċi nagħmilha l-ħaġa. Ġieli kelli nagħmilha għax kont fi stat li ma stajtx nagħmel mod ieħor u kienet ħaġa li kważi tiddipressani.”
Qalet ukoll kif il-mediċina li tieħu minkejja li tgħin itaffi l-effetti ħżiena tal-kanċer, xorta toħloq problemi oħra f’partijiet u organi differenti tal-ġisem. Ethel kompliet tgħid: “Is-sabiħ tal-mediċina huwa li għandha effetti li tgħin però l-mediċina ovjament ikollha l-effetti tagħha u jkollha effetti fuq l-organi l-oħrajn u allura dejjem isek trid tkun qed tiprova tibbilanċja bejn it-tajjeb u l-ħażin u ovvjament imbagħad ikollok effetti oħrajn fuq il-kumplament tal-ġisem. Ovvjament ikollok tendenza bħalma qed ngħidu eżempju li timrad naqra iktar.”
Madankollu stqarret li t-trattament li hi flimkien ma’ dawk kollha morda bil-kanċer jirċievu, ma kinux jistgħu jakkwistawh li kieku ma kienx għal Malta Community Chest Fund.
Ethel sostniet: “Il-fondi huma għal kulħadd. Ma hemmx kulur politiku. Billi ngħidu li m’għandiex issir jew għandiex issir il-flus iridu jiġu minn x’imkien jiġifieri jekk mhux ħa nagħtu aħna u nagħtu idealment matul is-sena kollha mhux ħa jkun hemm minn fejn tiżvolġi l-attivitajiet tagħha kollha l-Malta Community Chest Fund.”
Fi tmiem l-intervista, Ethel indirizzat lil dawk kollha li bħala qed jiġġieldu għal ħajjithom. Hija qalet kif bħal ma għamlet hi, wieħed għandu jsib wens fil-għeżież tiegħu.
Ethel temmet tgħid: “Dak li jiġi għalina ħadd ma jaf x’inhu. Illum qegħdin hawn nippruvaw ingawdu l-ġurnata. Dejjem ġurnata b’ġurnata.”