Jeanelle Curmi tilfet lil binha fl-età ta’ tmin snin fl-20 ta’ Diċembru tal-2021. Żmien il-Milied, li, iżda, ma kien xejn festiv għall-familja. Kif ma kienu xejn ċelebrattivi għalihom it-tliet snin ta’ qabel.
Meta kellu biss ħames snin, iċ-ċkejken Jake laqtitu forma rari ta’ leukemia akuta, li ftit kien magħruf dwarha. Dan anke fl-Ingilterra, fejn ħtieġlu jitla’ għall-kura fit-tul. Hemm ukoll qatt ma kienu għadhom raw każi simili fuq tfal.
L-iżgħar mit-tliet ulied tal-koppja Curmi, Jake kien instab li qed ibati minn din il-marda kiefra, li baqgħet miegħu sakemm tilef il-battalja kważi tliet snin wara.
Perjodu li, fil-maġġoranza, qattgħu f’Londra għall-kura, akkumpanjat minn ommu, u mifrud mill-bqija tal-familja, waqt li missieru kien kostrett jibqa’ jfendi f’Malta, jindokra wkoll liż-żewġ ulied l-oħra.
Fil-bidu tat-trawma fl-2019, ġurnata qabel għeluq sninu, kien irrakkomandat li Jake jitla’ Londra fejn kien se jibda jieħu l-kura fl-Isptar Royal Marsden. Dan ġara proprju fl-Għid ta’ dik is-sena.
Il-familja, waqt li kienet konxja tal-gravità tal-każ, sabet mill-ewwel l-għajnuna ta’ Puttinu Cares, l-għaqda volontarja li ilha taħdem ma’ tant familji u pazjenti żgħar li jeħtiġilhom kura, partikolarment kontra l-kanċer.
Dan kif irrakkontat minn Jeanelle nnifisha ma’ ONE News.
“Puttinu meta offrewlna l-appartament, mill-bidu huma ġew fuqna. Konna r-Rainbow Ward, ġiet Angele, Rennie u Dr Calvagna u spjegawlna li issa se jkollna appartament f’Sutton, għax Jake kien ir-Royal Marsden u kulma kien hemm ħames minuti bogħod… Sibna appartament lest biex nidħlu ġo fih, ma kellna bżonn xejn iżjed u ovvjament, meta jkollok it-tfal jew xi ħadd marid, l-aħħar ħaġa li trid taħseb fuqha hi fejn se toqgħod. Int kulma taħseb kif se tittratta u kif se jfieq.”
Jeanelle u Jake għamlu l-ewwel sena sħiħa f’Londra, deħlin u ħerġin mill-Isptar fejn iċ-ċkejken ukoll sarlu trapjant tal-mudullun, grazzi għad-donazzjoni mingħand ħuh li kien erba’ snin akbar minnu.
Peress li t-trattament kien se jieħu iżjed fit-tul, ġie ssuġġeriet lilhom li jkun aħjar jekk jinżlu Malta u jqattgħu ftit ġimgħat mal-familja.
Xi ħaġa li għamlu nhar is-7 ta’ Marzu tal-2020, proprju fil-ġurnata meta f’pajjiżna wkoll kien feġġ l-ewwel każ tal-COVID-19.
Wara ħames ġimgħat mal-għeżież tagħhom, l-omm u binha kellhom jerġgħu jaqbdu t-triq lejn il-kapitali Ingliża fejn spiċċaw jagħmlu sitt xhur oħra, waqt li Jake ukoll reġa’ għadda minn trapjant ieħor.
Jeanelle tirrakkonta li t-tifel stess kien ippreparahom għal dak li qatt ma ħolmu u xtaqu f’ħajjithom u llum forsi tista’ aktar titkellem minn dak id-dulur kollu li għaddew minnu.
Żmien li spiċċa jibdlilhom anke l-mod kif iħarsu lejn il-ħajja. Esperjenza devastanti li xorta għarfu jieħdu l-pożittiv u anke għaqqdithom iżjed bħala familja.
Jeanelle tisħaq li, f’dan kollu, jibqgħu japprezzaw kull għajnuna li sabu mill-Istat u Puttinu Cares.
Lejliet il-maratona tal-ġbir ta’ fondi, b’riżq il-ħidma kruċjali li ssir minn Puttinu, l-omm, għalqet b’appell mill-qalb lill-poplu Malti biex juri solidarjetà u mħabba f’dan l-appuntament annwali.
“Aħna nafu kemm hi importanti li jkollok post fejn tista’ tmur wara ġurnata treatment speċjalment, jew wara jekk ikollok qraba, fil-każ tagħna t-tifel kien l-isptar, u fil-viċinanza tkun aħjar. Fiċ-ċentru ta’ Londra hemm l-isptarijiet speċjalizzati, jiġifieri kemm-il darba kellna nidħlu bit-tifel biex iżur dawn l-isptarijiet. U nħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex għall-maratona jkun jista’ jagħti li jista’. U investiment għalina wkoll u qatt ma taf meta jkollok bżonn. Ovvjament trid dejjem tagħti għax tagħti bl-imħabba.”
Fid-29 ta’ Marzu, nhar il-Ġimgħa l-Kbira, Puttinu Cares qed jitlob għall-ġenerożità tagħna lkoll biex titwettaq il-ħolma fir-rinnovar tal-binja fiċ-ċentru ta’ Londra, li l-kuntratt tax-xiri tagħha sar f’Ġunju tal-2022.
Bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet biex jiġu żviluppati 27 appartament bi spiża ta’ madwar ħamsa u għoxrin miljun ewro.
Għal dan il-proġett, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll kien ħabbar erba’ snin ilu li l-Gvern alloka s-somma ta’ ħames miljun ewro mill-Fond għall-Iżvilupp Soċjali.
Minbarra hekk, intlaħaq ftehim għal perjodu ta’ 15-il sena biex il-Gvern iħallas mija u sebgħin elf lira Sterlina għall-użu tal-appartamenti li se jkollha din il-binja l-ġdida, li mistennija titlesta lejn l-aħħar ta’ din is-sena, u tmenin elf lira Sterlina oħra għall-appartamenti f’Sutton.
Ma’ dan, il-Gvern qabel li jgħaddi grant ta’ mija u ħamsin elf ewro fis-sena li tiżdied b’għaxra fil-mija kull ħames snin.