Omm Cristiano abbandunat lil binha f’Settembru li għadda f’Bugibba għax ma’ kienetx f’pożizzjoni mentali li tieħu deċizjoni tajba. Ikkonkludew dan l-esperti maħtura mill-Inkjesta Maġisterjali b’rabta ma’ dan il-każ.
Żvelat dan il-gazzetta Kullħadd fejn ikkwotat sorsi qrib l-Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud u li ngħalqet fl-aħħar jiem.
Mill-eżitu tal-Inkjesta jirriżulta li l-omm ma qalet lil ħadd li kienet tqila u dejjem argumentat li d-dehra tagħha kienet qed tinbidel minħabba l-ħxuna. Dan sakemm wasal il-jum tas-7 ta’ Settembru li fih weldet waħedha mingħajr ebda assistenza medika fl-appartament tagħha. Tul id-disa’ xhur ta’ tqala, hija qatt ma’ talbet għall-assistenza medika u filfatt qatt ma marret għal vista ta’ tabib.
Il-gazzetta Kullħadd irraportat kif l-omm qalet mal-investigaturi li abbandunat it-tarbija sabiex tagħti futur aħjar lil binha.
L-analiżi tal-psikologa li ħadmet bħala parti mill-inkjesta maġisterjali kkonkludiet li r-raġunament tal-omm hu batut u għandha dak magħruf bħala defiċit konjittiva li tmur għal soluzzjonijiet mgħaġġlin u mhux kapaċi tara fit-tul.
Filfatt irriżulta li din hija xi ħaġa li ilha tgħix mal-mara żmien u l-esperjenzi trawmatiċi kemm fiżiċi u emozzjonali f’ħajjitha ħallew l-effetti tagħhom.
Minkejja li kemm Cristiano u kemm ħuh ser jinżammu taħt ordni ta’ ħarsien, u fil-konfront tal-omm mhux ser jittieħdu passi kriminali, hija ser tingħata l-għajnuna prattika u emozzjonali biex tista’ tkun omm tajba għal uliedha.
Dan għax fost oħrajn għandha kundizzjoni li hi l-istess waħda li ħasdet il-ħajja ta’ qarib viċin tagħha ta’ eta żgħira.