Mhux faċli ssib ruħek f’sitwazzjoni fejn l-ewwel wild għandu l-awtiżmu. Wisq inqas meta tiskopri li ż-żewġ ulied ta’ wara, tewmin, għandhom l-istess kundizzjoni. Iżda l-omm li ltqajt magħha tinsab determinata, biex flimkien ma’ żewġha u ta’ madwarha joffru l-aqwa trobbija lit-tfal tagħha.
Għall-ewwel mistħi iżda mbagħad beda jieħu l-kunfidenza, Craig, ta’ 15-il sena laqagħna, ħadilna b’idejna u qalilna li kellu pjaċir bina. Ommu tgħannqu u tbewwes fih. Għandha ġawra bih. L-istess bħalma għandha b’Hope u Yvonne, ta’ 12-il sena. Ftit inqas enerġitiċi wara ġurnata skola.
Ommhom, Valerie esprimiet it-tħassib tagħha li ma tilħaqx twettaq il-pjanijiet kollha li għandha f’moħħha biex tara lil uliedha aħjar, inkluż li tbiddel id-dar biex ikollha post iktar aktar adegwat fejn tħalli lil uliedha jirrikreaw ruħhom.
L-awtiżmu tat-tlieta jvarja. Tal-kbir huwa l-iżjed sever. Beda jitkellem ta’ seba’ snin hekk kif fl-ewwel snin tat-tfulija ma kien jgħid xejn ħlief tgedwid. Illum jgħid sentenzi biex jesprimi l-ħtiġijiet tiegħu. Il-vokabularju tiegħu spontanju u jużah f’kuntest tajjeb. L-omm iddeskriviet lil binha b’mentalità ta’ tifel iżgħar minn 15-il sena. Mhux faċli għaliha li tara lil sħabu tamparu joħorġu flimkien u jiġru bir-rota, u lil binha d-dar jara programmi tat-tfal.
Mill-banda l-oħra, it-tewmin jikkomunikaw aħjar iżda minkejja dan xorta waħda jbatu fl-istudji tagħhom. F’dan l-istadju ta’ adoloxxenza, l-omm tara li tgħinhom jiżviluppaw ħiliet, bħat-tisjir u l-immaniġġjar tal-flus u tal-ħin, biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti.
Huwa stmat li 63 minn kull 10,000 persuna għandhom xi forma jew oħra ta’ awtiżmu. Minkejja li fl-aħħar snin żdiedet il-kuxjenza dwar din il-kundizzjoni fadal ħafna xi jsir.
L-omm tappella biex l-awtoritajiet iħarsu u jittrattaw il-każijiet b’mod individwali u mhux kulħadd jinġabar f’keffa waħda. Tgħid li kull persuna, b’mod partikolari t-tfal, għandhom ikunu mgħejuna iżjed biex jaffaċċjaw aħjar id-dinja tal-adulti.
Rirtatt ta’ fuq: Valerie Brincat flimkien ma’ binha Craig.