Maria Pia Zammit ta’ 34 sena flimkien ma’ binha Leon Lee Zammit ta’ 20 sena u Samuel Gauci ta’ 18-il sena tressqu l-Qorti akkużati li wettqu serqiet minn restorant u kif ukoll minn residenza f’San Pawl il-Baħar.
L-omm wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha filwaqt li t-tifel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Minkejja li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih iż-żagħżugħ ma ngħatax sentenza finali hekk kif id-difiża talbet lill-Qorti sabiex isir rapport fuq l-istess żagħżugħ qabel. Il-Maġistrat Simone Galea tgħat il-ħelsien mill-arrest lil Leon Lee Zammit fuq depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Dan sakemm eventwalment jingħata s-sentenza.
Min-naħa l-oħra Maria Pia Zammit se tinżamm arrestata fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fil-qorti ingħad li l-mara tressqet b’arrest il-ġimgħa l-oħra akkużata wkoll fuq serq aggravat.
L-Ispettur Godwin Scerri mill-Għassa tal-Qawra spjega li bejn is-17 ta’ Novembru u l-13 ta’ Diċembru saru tliet serqiet minn ristorant bl-isem ta’ Maestrale Gourmet fl-Imġarr, fi tnejn minnhom insterqu ammont ta’ flus kontanti filwaqt li fit-tielet waħda ma nsterqux flus. Qal kif fl-aħħar ġurnata tas-sena nsterqu ammont ta’ flus ukoll minn residenza f’San Pawl il-Baħar.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu ma’ ONE News kif is-serqa tal-31 ta’ Diċembru minn residenza f’San Pawl il-Baħar, saret proprju mid-dar tal-kok tal-imsemmi ristorant fl-Imġarr. Din seħħet meta hu kien xogħol fir-ristorant.
Għal diversi drabi l-Maġistrat Simone Grech saqsiet liż-żagħżugħ jekk hux ser iwieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, madankollu megħjun mill-Avukat Rachel Tua huwa baqa’ jwieġeb ħati.
Intant, dwar l-istess każ tressaq ukoll Samuel Gauci ta’ 18-il sena fejn ġie akkużat b’kompliċità mal-istess każ. L-Ispettur Shawn Pawney mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali spjega li l-imputat kien qed iwassal bil-karozza liż-żewġ imputati l-oħra biex iwettqu l-allegati serq. Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, anke jekk mistoqsi għal darbtejn mill-Maġistrat.
Il-Maġistrat Simone Grech tatu sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-Prosekuzzjoni f’dawn iż-żewġ każijiet tmexxiet ukoll mill-Ispettur Mario Sciberras mid-Dipartiment tal-Investigazzjonjiet Kriminali.