Mara ta’ nazzjonalità Ċiniża ammettiet li abbandunat liż-żewġt itfal tagħha, ta’ disa’ u ħdax-il sena biex marret il-Polonja. Fil-qorti l-mara qalet li għamlet dan biex tfittex trattament għall-kundizzjoni medika li ma qalitx x’inhi.
Il-mara li għandha ħamsa u tletin sena, u li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-qorti biex tkun protetta l-identità tal-familja, tressqet il-qorti akkużata b’negliġenza u trattament ħażin tat-tfal tagħha Fid-dawl tas-sensittività tal-każ l-avukati iddiskutew iċ-ċirkustanzi ras imb’ras mal-maġistrat. Intqal li l-pulizija kienet infurmata bil-każ fid-disgħa ta’ Frar .
L-ispettur Paula Ciantar li qed tmexxi l-prosekuzzjoni qalet li malli l-pulizija saret taf, sar kuntatt mal-ġenituri li kienu fil-Polonja. Kien hawn li l-missier irritorna u qal lill-Pulizija li ma kienx konxju ta’ dak li qed jiġri u dan għax ħaseb li t-tfal se jakkumpanjaw lil ommhom.
Malli l-omm waslet lura f’pajjiżna, l-pulizija arrestatha wara li nħareġ mandat mill-Maġistrat. Intqal li l-pulizija tkellmu mat-tfal li ddeskrivewhom bħala indipendenti u li kellhom kontroll tas-sitwazzjoni.
“Madanakollu huwa inaċċettabli li wieħed iħalli t-tfal waħedhom għal ġimgħa, għalkemm donnu hija aċċettabbli fiċ-Ċina.” Sostniet il-prosekuzzjoni mingħajr ma insistiet għal piena ta’ ħabs. Id-deċiżjoni tal-qorti se tittieħed nhar it-tlieta.